Ekonomisti jilqgħu b’mod pożittiv il-Baġit 2021

Dr Philip von Brockdorff jiddeskrivih wieħed pożittiv; Kearon Bruno “baġit b’viżjoni”

Żewġ ekonomisti li tkellmu ma’ Inewsmalta kellhom kliem pożittiv għall-budget imħabbar it-Tnejn fl-isfond tal-pandemija li ħarbtet l-ekonomija dinjija. Inewsmalta talab ir-reazzjoni lil Dr Philip von Brockdorff u Kearon Bruno dwar il-Baġit ippreżentat mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna.

Dr von Brockdorff irrimarkalna li r-reazzjoni tiegħu hi waħda komplessivament pożittiva fejn il-Gvern, waqt li qed ikun kawt biex il-finanzi pubbliċi jibqgħu sostentibbli, se jestendi l-suppliment tal-pagi għal dawk in-negozji li tassew ghandhom bżonn u skont it-turnover; se jerġa’ jagħti stimolu ieħor permezz ta’ ‘cash vouchers’ għas-setturi tar-retail, akkommodazzjoni u ristoranti; se jżid il-pensjonijiet u jgħolli c-‘ceiling’ fuq dħul taxxabbli tal-pensjonanti; se jżid ir-rifużjoni fuq it-taxxa u jtejjeb l-‘in-work benefits’, se jestendi l-iskema fuq ix-xiri u bejgħ ta’ proprjetà.

“Minkejja dawn il-miżuri xorta waħda nstab bilanċ biex id-defiċit u d-dejn jibgħu f’livelli sostenibbli. Dan il-bilanċ jista’ ikun il-bażi li fuqu jerġgħu jissaħħu l-finanzi pubbliċi fix-xhur u s-snin li ġejjin. Dan hu kruċjali biex pajjiżna jkompli jiggarantixxi in-nefqa fuq benefiċċji socjali, fuq is-saħħa pubblika u fuq l-edukazzjoni”.

Dr von Brockdorff kompla li mil-lat ekonomiku l-Gvern qed janticipa tkabbir ekonomiku ta’ 5% f’termini reali is-sena d-dieħla li jfisser li l-Gvern se jistrieħ fuq dawk is-setturi l-aktar reżiljenti fl-ekonomija fosthom tal-kostruzzjoni. 

“Hu minnu li fil-budget tissemma d-direzzjoni li għandu jaqbad dan il-pajjiż, partikolarment fuq l-ekonomija diġitali u fuq ekonomija orjentati aktar lejn l-ambjent, iżda biex naslu għal mudell ekonomiku differenti minn dak tal-lum, hu neċessarju li ngħaddu minn fażi ta’ tranżizzjoni”.

Huwa spjega kif din it-tranżizzjoni tista’ tieħu perjodu ta’ żmien mhux qasir u ġġib magħha sfidi mhux żgħar bħal kull bidla u għalhekk din il-bidla trid issir b’mod maħsub u bl-anqas skossi possibbli waqt li l-ekonomija trid tibqa’ tistrieħ fuq dawk is-setturi, fosthom is-settur tal-kostruzzjoni, li f’din il-fażi ta’ tranżizzjoni jibqgħu jdawwru r-rota ekonomika.

Min-naħa tiegħu, Kearon Bruno beda biex irrimarka li f’dawn l-aħħar seba’ snin il-Gvern irnexxielu jbiddel il-perspettiva tal-poplu inġenerali fejn jidħol il-baġit. 

Dan sar billi l-baġit inbidel minn wieħed li jieħu għal wieħed li jagħti, u dan għen biex jindirizza numru ta’ problemi soċjali li kienu akkumulaw matul is-snin, kif ukoll li jinċentiva aktar konsum u investiment. 

Bruno irrikonoxxa li d-daqqa ekonomika li ħa pajjiżna matul l-imxija tal-Covid-19 kienet waħda sostanzjali u li din kienet daqqa li naqqset b’mod drastiku d-dħul tal-Gvern kif ukoll żiedet in-nefqa kapitali partikolarment fejn jidħol is-settur tas-saħħa. 

“Minkejja dan l-iżbilanċ il-Gvern, grazzi għall-għaqal ekonomiku li mexa’ bih tul l-aħħar snin, ħass il-bżonn li fl-eqqel ta’ din il-pandemija jippreżenta budget b’saħħtu li jħares ‘l quddiem. Budget li hu indirizzat sabiex jagħti għajnuna finanzjarja lin-negozji sabiex jibqgħu joperaw f’dan iż-żmien diffiċli u jżommu lill-ħaddiema”. 

Bruno kompla jgħid li dan kien budget li kompla jippremja l-bżulija, li inċentiva l-investiment, li indirizza l-aspett soċjali u li investa fil-produttività waqt li sejjaħlu wkoll budget b’viżjoni li jaħseb għall-futur b’mod speċjali meta wieħed jikkunsidra l-emfasi fuq l-aspett diġitali u dak ambjentali. 

“Dawn iż-żewġ setturi se jkunu strumentali sabiex pajjiżna jkompli jikkonsolida t-tkabbir ekonomiku kif ukoll jaċċerta ekonomija li tkun aktar reżiljenti u sostennibli”, żied Bruno.

Share With: