Eks-impjegat tal-Malta Electricity Board jakkuża lill-Gvern b’diskriminazzjoni

Dan wara li d-Direttur tas-Sigurta Soċjali m’aċċettax it-talba tiegħu għall-pensjoni mogħtija lil ħaddiema oħra

Joseph Mizzi, raġel ta’ 75 sena, ressaq rikors il-Qorti fejn akkuża lid-Direttur Ġenerali tas-Sigurta Soċjali b’diskriminazzjoni, wara li t-talba tiegħu biex jingħata il-pensjoni li kienet mogħtija lill-eks ħaddiema tal-Malta Electricity Board kienet miċħuda.

Fir-rikors ippreżentat iktar kmieni din il-ġimgħa, Mizzi saħaq li huwa kien impjegat oriġinarjament mal-imsemmija Aġenzija fi Frar tal-1965, u li kien spiċċa mix-xogħol 24 sena wara fl-1989, snin wara li din l-aġenzija kienet assorbita mill-Korporazzjoni tal-Enemalta. Huwa saħaq kif sar jaf li riċentament, dawk il=-ħaddiema li kienu impjegati mal-Malta Electricity Board kienu intitolati għal pensjoni ugwali ma’ dawk li ħadmu mal-Enemalta.

Huwa għalhekk li Mizzi għamel talba lid-Direttur Ġenerali tas-Sigurta Soċjali f’Mejju ta’ din is-seba biex huwa wkoll ikun jista jibbenefika minn din il-pensjoni, iżda d-Direttur Ġenerali tas-SIgurta Soċjali rrifjuta t-talba tiegħu għaliex huwa ma ssodisfax il-kriterji elenkati fil-liġi.

Mizzi saħaq li ma jaqbilx mal-interpretazzjoni mogħtija mid-Direttur Ġenerali, għaliex ir-regolamenti kienu jistipolaw 15-il sena impjieg, meta huwa kienu ilu ħaddiem fis-servizz pubbliku maż-żewġ aġenziji għal total ta’ 24 sena. Huwa saħaq li din id-deċiżjoni kienet waħda diskriminatorja, u saħaq li l-Gvern u l-Aġenzija tas-Servizzi Soċjali “qegħdin joħolqu skużi frivoli biex jirriġettaw it-talba tal-esponent.”

Il-każ mistenni jitkompla fiż-żmien li ġej.

Share With: