Erba’ snin priġunerija wara li wieġeb ħati ta’ fastidju sesswali

Raġel ta’ 22 sena niżel minn fuq tal-linja u qabad sider mara, wara li din ppruvat taħrab minnu

Adam Saleh kien ikkundannat sentenza ta’ 4 snin priġunerija effettiva, wara li ammetta li kkaġuna att ta’ natura sesswali mingħajr kunsens fuq żgħażugħa Maltija ta’ 19 il-sena, kif ukoll li heddidha bi vjolenza. 

Il-Qorti semgħet kif Saleh, ta’ 22 sena mis-Sudan, qgħad bilqegħda viċin mara ta’ 19-il sena fuq karozza tal-linja, u beda jmiss saqajn il-vittma. Iż-żgħażugħa qamet minn fuq is-siġġu tagħha, u niżlet fuq il-waqfa li jmiss biex tipprova taħrab mir-raġel.

Madanakollu, ir-raġel niżel warajha, u pprova jimxi warajha, qabel ma mar u ħebb għaliha u qabdilha sidirha. Il-mara rnexxielha taħrab mill-akkużat wara li raġel li kien fil-viċinanzi sema t-talb għall-għajnuna tal-mara. Filwaqt li l-imsemmi raġel għen biex jiddifendi lill-vittma mill-akkużat, dan tal-aħħar ħarab minn fuq il-post.

Bl-għajnuna tal-ġenituri tagħha, iż-żgħażugħa daret iż-żona viċin fejn seħħ l-inċident u rnexxielha tiddentifka lir-raġel: sussegwentament, dan ġie arrestat mill-Pulizija.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti kkunsidrat kemm n-natura gravi tar-reat, kif ukoll l-ammissjoni bikrija ta’ ħtija fil-konfront tar-raġel. Għalhekk, apparti s-sentenza ta’ priġunerija effettiva, hija rabtet li Saleh b’ordni ta’ protezzjoni għal żmien ħames snin fil-konfront ta’ fittma, kif ukoll garanzija personali ta’ €2000 biex bl-ebda mod ma ġerax idejjaq lill-vittma, u lill-familjari tagħha.

Share With: