Fearne ma jeskludix li jonqos it-tul ta’ kwarantina

Id-Deputat Prim Ministru qal li jidher li hemm evidenza ġdida li jista’ jkun possibbli li f’ċertu każijiet titnaqqas it-tul tal-kwarantina

“Sa issa dwar it-tul ta’ kwarantina aħna għadna nimxu mal-pariri li tagħti l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC). Jidher li iva hemm evidenza ġdida li jista’ jkun possibbli f’ċertu każijiet li titnaqqas it-tul ta’ kwarantina. Ladarba l-evidenza tkun iktar soda, nimxu fuq dawk il-pariri.”

Dan qalu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne meta mistoqsi minn Inewsmalta fl-isfond li pajjiżi barra minn Malta naqqsu t-tul ta’ kwarantina minn 14-il jum għal sebat ijiem.

Dwar l-użu tal-maskri, id-Deputat Prim Ministru qal li jifhem li iżjed ma’ jgħaddi ż-żmien qed jidher li l-użu tal-maskri huwa ta’ benefiċċju. “L-appell tagħna jibqa’ biex fejn wieħed mhux strettament waħdu jew id-dar, kemm jista’ jkun għandha tintlibes, jiġifieri kemm fil-pubbliku u speċjalment fuq il-postijiet tax-xogħol,” qal Fearne.

“Possibiltà qawwija li l-vaċċin tal-Covid-19 jasal f’Malta fix-xhur li ġejjin”

Waqt żjara ġewwa ċ-ċentru tas-saħħa tal-Gżira, fejn għaddej ġmielu x-xogħol ta’ rinovar b’investiment ta’ €1.2 miljun, id-Deputat Prim Ministru qal li din se tkun l-ewwel sena li l-pajjiż u d-dinja kollha se taffaċċja l-influwenza u l-Covid-19 f’daqqa. Huwa qal li l-influwenza diġà tħalli konsegwenzi u fatalitajiet, bħalma jagħmel il-Covid-19 u huwa ċar li flimkien se jkunu ħafna iżjed serji, għalhekk l-appell jibqa’ biex kemm jista’ jkun possibbli l-persuni jieħdu t-tilqima tal-influwenza.

Huwa fakkar kif il-Gvern għamel sforzi biex jakkwista d-doppju tat-tilqim tal-influwenza u li l-Ħadd, fl-ewwel ġurnata ta’ tilqim, ftit inqas minn 1,000 persuna ħadu t-tilqima tal-influwenza fiċ-ċentri tas-saħħa. Dwar id-direttivi tal-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qal li filwaqt li l-Union għandha dritt għall-azzjonijiet industrijali, huwa appella għas-sens komun u li jinġibed ħabel wieħed. Waqt iż-żjara huwa qal li kien hemm bażi tajba biex jintlaħaq ftehim, tant li aktar tard matul il-ġurnata huwa ħabbar li l-MUMN issospendiet id-direttivi tagħha li kienu qed jaffettwaw it-tilqima tal-influwenza. 

Id-Deputat Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-vaċċin tal-Covid-19, fejn minkejja li sa issa m’hemmx tilqima, huwa qal li l-prospetti huma tajbin u hemm possibiltà qawwija li l-vaċċin tal-Covid-19 jasal f’Malta fix-xhur li ġejjin.

“L-ebda evidenza li ż-żieda fil-każijiet hija marbuta mal-ftuħ tal-iskejjel”

Meta ġie mistoqsi mill-ġurnalisti dwar iż-żieda tal-każijiet ta’ Covid-19, id-Deputat Prim Ministru Fearne qal li m’hemm l-ebda evidenza li ż-żieda fil-każijiet hija marbuta mal-ftuħ tal-iskejjel. Fearne qal li s’issa ma rriżultax li f’pajjiżna kellna ammont kbir ta’ każijiet fil-komunità għax infetħu l-iskejjel. 

Bi tweġiba għal dak li qalet l-Assoċjazzjoni Medika ta’ Malta (MAM) fejn appellat għal aktar miżuri ristrettivi filwaqt li qalet li l-ITU f’Mater Dei kważi mimli, id-Deputat Prim Ministru qal li l-awtoritajiet mhux qed jeskludu aktar miżuri ristrettivi. Huwa qal li l-persuni infettati qed idumu aktar fl-ITU iżda insista li l-Isptar kien ippreparat għall-evenwalità ta’ żieda fil-każijiet, filwaqt li kkonferma li t-tieni sala tal-ITU fl-Isptar Mater Dei bdiet tirċievi pazjenti ftit tal-jiem ilu.

Share With: