Carla

F’ħajjitha qatt ma kienet baħħret … spiċċat daret madwar id-dinja

Forsi diffiċli biex wieħed jifhem, imma żgur mhux xi ħaġa faċli li f’ħajtek qatt ma tkun irkibt dgħajsa u mbagħad f’daqqa waħda tiddeċiedi li tibda tbaħħar madwar id-dinja. Din hi l-esperjenza ta’ Carla Fowler, li wara li żżewġet lil Simon, ħarġet bl-idea li huma jibdew ibaħħru madwar id-dinja.  Carla, Portugiża, fl-aħħar sentejn u nofs, flimkien ma’ żewġha baħħru għal xejn inqas minn 22,000 mil nawtiku. 

Minkejja l-età tagħhom, Carla ta’ 54 sena u Simon ta’ 61 sena, huma ħolqu YouTube Channel imsejjaħ Sailing Ocean Fox u hemmhekk qasmu l-avventuri tagħhom. Illum għandhom aktar minn 11,000 membru fuq dan is-sit. 

Carla kienet qed tgħid ħajja regolari f’Londra. Kienet taħdem bħala assistenta personali. Fit-tieni żwieġ tagħha iddeċidiet li ħajjitha ittiha bixra aktar internazzjonali u għalhekk ġietha f’rasha id-dinja tat-tbaħħir. 

Hi titkellem kif Simon, li llum hu r-raġel tagħha, dejjem kellu x-xewqa li jagħmel sajf ibaħħar, b’mod partikolari fil-Mediterran. Biss hu qatt ma kellu opportunità li jagħmel dan u lanqas kellu l-ħin u l-finanzi meħtieġa. 

Fi kliem Carla, “aħna konna fil-bidu ta’ relazzjoni ġdida. Ridt li nagħmilha speċjali. Fil-bidu bdejt naħseb biex inqattgħuha nixxemxu jew fuq ix-xtajtiet u mbagħad ħsibt fuq li nbaħħru. Simon aċċetta”.  Imma Simon ma kellu l-ebda ħjiel ta’ kif dan il-ħsieb jista’ jitwettaq. Il-koppja għamlu xejn inqas minn 18-il xahar jaħdmu biex ikollhom il-fondi neċessarji. Daħlu fil-qasam tal-proprjetà u bdew jixtru u jbiegħu u dan bil-għan li jkollhom il-fondi neċessarji. 

Spiċċaw anke biegħu darhom u xtraw jott, Lagoon 400. Il-jott inxtara mill-Kroazja u taw l-isem ta’ Ocean Fox. Il-ħsieb tagħhom kien li jibdew ibaħħru fis-sena 2019, iżda f’nofs is-sena 2017 is-settur tal-proprjetà fir-Renju Unit staġna. Dan kien hemm riskju li jaffettwa id-dħul tagħhom jekk itawlu. Kien għalhekk li huma xtraw ‘cottage’ u wara xtraw il-jott. 

Id-deċiżjoni tagħhom ġiet komunikata lit-tfal tagħhom u mhux kulħadd laqgħha bl-istess mod. Kien hemm min tħasseb u oħrajn ma fehmux għaliex għamilna hekk. Kien hemm min qalilna “teenagers irresponsabbli”. Maż-żmien imma uliedna aċċettaw dan u ġew iqattgħu magħhna vaganzi li huma jibqgħu jiftakru f’postijiet mill-isbaħ”, tgħid Carla. 

Mhux faċli li twettaq esperjenza bħal din u huma ppruvaw isostnu din l-avventura billi jużaw il-popolarità tal-YouTube Channel. Dan billi jiffilmjaw dan l-għixien tagħhom u billi joħolqu filmati li jispiraw lil nies oħra. 

Raw li kien hemm Channel fuq YouTube li kienu qed jaqilgħu l-flus u huma raw li kellhom bżonn madwar €1,000 fix-xahar. Kienu imbeżżgħin għax ħasbu li n-nies mhux se tinteressahom il-ħajja ta’ żewġ persuni irtirati jgħixu fuq jott.  Kienet sorpriża kbira għalihom meta raw rispons qawwi. Kien hemm ukoll min ikkritikahom bil-qawwi ukoll. 

Wara 22,000 mil nawtiku tbaħħir, kif inbidlu?

Carla tiddikjara bla tlaqlieq li “llum wara dawn il-mili nawtiċi ta’ tbaħħir qed naraw li l-ħajja hi xi ħaġa speċjali. Anki r-relazzjoni tagħna. Nappoġġjaw lil xulxin. Ma nimmaġinanix inmur lura lejn il-ħajja li konna ngħixu. Qed nuru li hemm ħajja oħra kif nistgħu ngħixu u bil-medja soċjali ul-internet, dan ifisser li aħna nistgħu naħdmu mingħajr ma nkunu wara xi uffiċċju jew xi mejda”. 

Il-koppja fl-aħħar jiem baħħru lejn il-Portugal fejn issa se jkunu qed iqattgħu ix-xhur sal-aħħar tas-sena. 

Wara huma qed jippjanaw li jbaħħru lejn l-Eġittu u l-Baħar l-Aħmar. 

Bil-Covid19 inqabdu fil-Bahamas 

L-imxija tal-Covid19, minkejja li kienu jkunu bejn sema u ilma, affettwathom ukoll b’mod negattiv. Dan għax huma spiċċaw maqbudin bil-jott tagħhom fil-Bahamas u ma setgħux joħorġu minn hemm. 

Simon kien ikkummenta dwar dan u qal li “f ’pandemija tispiċċa maqbud f’port hi iebsa u stressanti. Dak kien l-aktar żmien dipressanti li għaddejna fl-aħħar sentejn. In-nies tal-post, minħabba l-biża’ ta’ infezzjoni ma tantx laqgħuna b’mod tajjeb. Anki biex issib provvisti konna qed insibuha diffiċli.” 

Share With: