Fil-Baġit 2021 ġew allokati €95 miljun għat-turiżmu – l-ogħla allokazzjoni finanzjarja li qatt saret għas-settur

Il-Baġit għas-sena 2021 jaħseb biex il-qasam tat-turiżmu jkun allokat is-somma ta’ €95 miljun. Dan  l-ammont huwa l-ogħla li qatt ġie allokat għal dan is-settur u juri żjieda ta’ €10 miljuni fuq l-ammont  allokat għas-sena 2020. Il-baġit għas-sena 2021, fejn jirrigwarda turiżmu, jiffoka fuq is-sostenibilità  tas-settur. Għal dan l-għan, se jkun qed jitfassal pjan mifrux fuq tliet pilastri prinċipali, l-irkuprar ta’  dak li ntilef; ir-riformular tat-turiżmu; u r-rivitalizzar tat-turiżmu fuq bażi ta’ kwalità u kompetittività. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli trattat dan il-pjan  waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi dwar il-Baġit 2021, li huwa  wkoll l-akbar baġit li qatt kellu l-pajjiż. 

“Maċ-ċifra ta’ €95 miljun allokati speċifikament għat-turiżmu, għandhom jiżdiedu mill-inqas €30  miljun oħra li se jintefqu f’restoranti, lukandi u postijiet oħrajn ta’ akkomodazzjoni turistika. €30  miljun li ġejjin minn €50 miljun f’vouchers li għal darb’oħra se jkunu qegħdin jingħataw mill-gvern  lil dawk kollha li għandhom minn 16-il sena ’l fuq. Minn kull €100 voucher li se jingħata lil kull  individwu f’dawn l-etajiet, €60 iridu jintefqu f’restoranti, lukandi u postijiet oħrajn ta’  akkomodazzjoni turistika. Miżura li se sservi ta’ serħan il-moħħ għal dawk involuti f’dawn is-setturi,”  qalet il-Ministru Farrugia Portelli. 

Il-Ministru Farrugia Portelli żiedet tgħid li l-gvern kien u għadu determinat li jkunu salvati l-impjiegi  f’kull settur ekonomiku tal-pajjiż, inkluż dak turistiku. L-estensjoni tal-Covid Supplement sa Marzu  2021 tfisser li se jkunu salvati eluf ta’ impjiegi f’dan is-settur, kif diġà fissret għax-xhur li għaddew. Fir-rigward tas-sostenibilità tas-settur turistiku, il-Ministru Farrugia Portelli qalet li x-xahar d-dieħel  se jingħata bidu għal eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika ma’ dawk kollha involuti fis-settur biex  magħhom tkun diskussa kull tema tal-istrateġija maħsuba. “Il-messaġġ huwa wieħed ċar; it-turiżmu  ta’ wara l-pandemija jrid ikun imsejjes fuq il-pedamenti ta’ rkuprar ta’ dak li tlifna, ir-riformular tas settur u r-rivitalizzar tiegħu fuq il-bażi ta’ kwalità u kompetittività. Irridu nirkupraw dak li tlifna u  huwa għalhekk li se nkunu qegħdin inħarsu lejn strateġija ta’ kwalità aktar milli ta’ numri, strateġija  li twassalna għall-għaxar snin li ġejjin,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli. 

Il-gvern se jkun qed jaħdem biex ikunu implimentati numru ta’ inċentivi marbutin ma’ reklamar  internazzjonali biex ikun attirat it-turist. Se tkun sostnuta l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti mifruxin  matul is-sena kollha, biex b’hekk titnaqqas l-istaġjonalità filwaqt li jkun stimulat is-settur tal konferenzi, settur importanti ħafna u li jirrendi ħafna. “Il-binja li ninsabu fiha bħalissa, aktar kmieni din is-sena ospitat għall-ewwel darba f’pajjiżna s-Samsung Conference, avveniment li ġab miegħu  madwar 3,000 persuna. Jekk nimxu bil-għaqal, inkunu nistgħu nattiraw aktar turiżmu ta’ din ix-xorta,  turiżmu ta’ kwalità,” enfasizzat il-Ministru Farrugia Portelli. 

Hija żiedet tgħid li se tkompli tissaħħaħ il-ħidma biex jittejjeb il-prodott turistiku. Dan jinkludi r riġenerazzjoni u ż-żamma fi stat tajjeb taż-żoni turistiċi. “Eżempju ta’ dan huwa l-pjan ta’  riġenerazzjoni li bdejna ftit tal-jiem ilu għall-parti magħrufa bħala il-Magħluq fil-villaġġ pittoresk ta’  Marsaxlokk b’investiment ta’ €5 miljuni. Se nniedu design contest biex jitfassal pjan ħolistiku għar riġenerazzjoni ta’ bosta żoni turistiċi, fosthom fin-naħa t’isfel tal-pajjiż, li sfortunatament għal snin  twal tħallew mingħajr investiment fihom,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli. 

Tul il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Farrugia Portelli trattat ukoll l-ambjent u l-impatt fuqu, inkluż mit-turiżmu. “Qegħdin nagħtu importanza kbira lil dan is-suġġett, kif jixhed il-fatt li bdejna  naħdmu fuq pjan ta’ implimentazzjoni fit-tul sabiex l-industrija tat-turiżmu taqleb l-operat tagħha  għal ‘net zero carbon neutral’. Il-viżjoni tagħna hija li kull stabbiliment turistiku f’pajjiżna, kbir jew  żgħir, jibda jiġġenera biżżejjed enerġija minn sorsi nodfa filwaqt li jnaqqas il-konsum permezz ta’  investimenti f’teknoloġija innovattivi.” 

F’konformità ma’ dan, il-Ministru Farrugia Portelli rreferiet għall-fatt li aktar kmieni din is sena bħala Ministeru għat-Turiżmu permezz ta’ SunX, Malta nbeda proġett globali immirat biex  jitnaqqas il-carbon footprint fl-ivvjaġġar u għalhekk jitnaqqas l-impatt fuq it-tibdil fil-klima. SunX  Malta huwa istitut internazzjonali li beda jopera din is-sena f’Malta mill-ITS. “F’dan ir-rigward ukoll, nedejna kors li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’pajjiżna; id-Diploma in Climate Friendly  Travel, kif ukoll reġistru internazzjonali tal-ivvjaġġar b’inqas impatt fuq il-klima fis-settur tat turiżmu,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli. 

“Il-futur tat-turiżmu huwa differenti minn kif nafuh illum. Se nimbuttaw aktar ’il quddiem id diġitalizzazzjoni. Għodda li tippreżenta opportunitajiet għan-negozji biex jespondu l-firxa tas-swieq  tagħhom. Iżidu t-tkabbir. Itejbu l-effiċjenzi fl-operat u jkabbru l-vantaġġ kompetittiv tagħhom. Se  nkomplu nimbuttaw proġetti b’investiment diġitali li permezz ta’ teknoloġija avvanzata bħalma hija  intelliġenza artifiċjali u augmented reality, simili għal dik inawgurata riċentement f’Dar il-Mediterran  bħala parti minn investiment ta’ €8 miljuni, nagħtu esperjenza unika lit-turist. Din hija t-triq ’l  quddiem, li jkollna rivitalizzar fit-turiżmu. Li nsaħħu l-kompetittività. Konna reżiljenti fiż-żminijiet  ta’ sfida, għadna u se nibqgħu. Għax aħna Maltin u b’saħħitna se nkomplu nimxu ’l quddiem,” temmet  tgħid il-Ministru Julia Farrugia Portelli. 

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Julia Farrugia Portelli kienet akkumpanjata mis Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Ronald Mizzi.

Share With: