Fondi Ewropej għar-restawr tal-koppla tal-Knisja taż-Żurrieq

Fil-ġimgħat li ġejjin se jibda r-restawr minn barra tal-koppla tal-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina  fiż-Żurrieq. Dan il-proġett, li ser isir b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal-Unjoni Ewropea, ser  jiswa €70,000. Id-dettalji tal-proġett tħabbru mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan  Zrinzo Azzopardi, mis-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross u  mill-Arċipriet taż-Żurrieq Dun Karm Mercieca. 

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li matul ix-xogħol ta’ restawr se titnaddaf il-ġebla  tal-koppla u se jinbidel il-ġebel li ġarrab l-akbar ħsara, se jitneħħa l-membrane u se jiġi rrestawrat  id-deffun, u se jiġu rrestawrati wkoll l-aperturi tal-injam. Il-knisja taż-Żurrieq, li nbniet fis-seklu 17,  hi waħda mill-ewwel knejjes f’Malta mibnija fuq stil Barokk u hi mogħnija b’diversi pitturi ta’ Mattia  Preti. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ dan  l-investiment il-Parroċċa taż-Żurrieq se tkun qed tippreserva l-wirt kulturali reliġjuż tagħha biex  uliedna jkunu jistgħu jkomplu jgawdu dak li ħallewlna missirijietna. Dr Zrinzo Azzopardi saħaq li  dan ix-xogħol ta’ restawr se jkompli jsebbaħ il-lokalità taż-Żurrieq filwaqt li jippermetti li nkomplu  nsaħħu l-prodott turistiku Malti biex nattiraw aktar turisti ta’ kwalità li japprezzaw il-wirt imżewwaq  ta’ pajjiżna. 

F’isem il-parruċċani Żrieraq, l-Arċipriet Dun Karm Mercieca rringrazzja lis-Segretarjat Parlamentari  għall-Fondi Ewropej, lill-Fondazzjoni Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u lil dawk kollha  li qed jagħtu sehemhom sabiex tiġi rranġata l-koppla u b’hekk il-knisja titħares mill-elementi.  L-arċipriet awgura li l-arkitettura u l-arti ta’ din il-knisja parrokkjali tkompli tkun espressjoni ta’ fidi  li ddawwal ħajjitna, partikolarment fiż-żminijiet diffiċċli li qed ngħixu bħalissa minħabba  l-pandemija. 

Michael Pace Ross qal li dan il-proġett, li se jiġi jiswa madwar €70,000, ma kienx ikun possibbli li  kieku l-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, flimkien mas-Segretarjat  Parlamentari għall-Fondi Ewropej, ma ħadmux flimkien. Ħabbar li r-restawr fuq il-koppla taż-Żurrieq  mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sena d-dieħla. Qal li dan il-proġett ta’ restawr hu wieħed mit-32 proġett  ta’ konservazzjoni u restawr li l-Arċidjoċesi ta’ Malta qed twettaq f’diversi parroċċi permezz tal-Fond  Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2014-2020.

Share With: