Formula Wieħed: Lewis Hamilton jikser ir-rekord ta’ Michael Schumacher

Il-Grand Prix tal-Portugall, li sar fiċ-ċirkwit ta’ Algarve, se jibqa’ mfakkar hekk kif is-sewwieq tal-Formula Wieħed, il-Britanniku Lewis Hamilton (Mercedes), kiteb l-istorja meta kiser ir-rekord tal-leġġendarju Ġermaniż, Michael Schumacher, għal 92 rebħa.

Huwa rebaħ din it-tiġrija bi stil meta għamel dan b’vantaġġ ta’ 25 sekonda wara li waqa’ fit-tielet post fl-ewwel żewġ dawriet.

Kien l-Ispanjol Carlos Sainz Jr (McLaren) li qabeż fl-ewwel post biż-żewġ karozzi tal-Mercedes isegwuh.

Kien fl-20 dawra li Hamilton qabeż lill-kollega tiegħu, il-Finlandiż Valtteri Bottas, wara li dan tal-aħħar ħa l-kmand mingħand l-Ispanjol.

Iżda ladarba l-Britanniku mar fil-vantaġġ huwa qatt ma ħares lura biex iddomina għal kollox u rreġistra rebħa mill-aktar komda, f’ħin ta’ 1:16.652.

Fit-tieni post daħal Bottas, segwit mill-Olandiż, Max Verstappen (Red Bull), is-sewwieq minn Monaco Charles Leclerc (Ferrari), il-Franċiż Pierre Gasly (Alpha Tauri), Carlos Sainz Jr (McLaren), il-Messikan Sergio Perez (Racing Point) u il-Franċiż Esteban Ocon (Renault).

Il-klassifika ġenerali hija: 230 – Lewis Ha­milton; 161 – Valtteri Bottas; 147 – Max Verstappen; 78 – Daniel Ricciardo; 68 – Sergio Perez; 65 – Lando Norris; 64 – Alexander Albon; 63 – Charles Leclerc; 57 – Lance Stroll.

Hamilton esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din ir-rebħa u għal dan ir-rekord:

“Ma kellix ballun maġiku meta għażilt li ningħaqad mal-Mercedes. Dejjem ħdimna biex f’kull tiġrija nagħmlu dak kollu li nkunu preparajna għalih. Ħdimna b’mod kollettiv u lejn l-istess direzzjoni.

“Hawnhekk, jien għandi lil missieri u lill-mara tiegħi u għalhekk hija ġurnata tajba ħafna.

“Ma nistax niddeskrivi l-emozzjonijiet tiegħi bħalissa. Din hija rebħa li se tibqa’  mnaqqxa fil-memorja tiegħi. Għadni ma nistax nemmen li wasalt sa dan it-tragward … u li ksirt ir-rekord ta’ kull żmien ta’ wieħed mill-idoli tiegħi.

“Dejjem ħlomt li xi darba nagħmel dan … iżda issa li rnexxieli … ma nistax nemmen. Irrid nirringrazzja lit-team u lil dawk kollha involuti fit-team tal-Mercedes.”

Share With: