Francesco Totti jżur tifla li qamet minn koma

Ilenia Matilli, ta’ 19-il sena, ilha l-isptar minn Diċembru, wara ħabta bil-karozza li qatlet lill-aqwa ħabiba tagħha. Fil-qawmien gradwali tagħha minn koma, messaġġ bil-video ta’ appoġġ mil-leġġendarju ta’ AS Roma, Francesco Totti, kellu sehem biex dan iseħħ.

“Ibqa’ soda u taqtax qalbek,” qal l-ex attakkant u captain ta’ 44 sena ta’ Roma lil Ilenia f’filmat li bagħat wara talba mill-ġenituri tagħha.

Wara li semgħet leħnu, Ilenia tat aktar sinjali ta’ fejqan u kitbet fuq blackboard speċjali li riedet tiltaqa’ mal-idolu tagħha.

Totti u Ilenia qattgħu siegħa flimkien, qal kelliemi għall-Isptar Gemelli fi stqarrija. Anke jekk kienet tilgħab mat-team tan-nisa tar-rivali tal-belt ta’ Roma, Lazio, Ilenia kienet liebsa flokk ta’ Roma li Totti ffirma b’ittri tad-deheb.

“Irrid narak barra mill-isptar dalwaqt u tikseb ħajtek lura,” Totti ġie kkwotat li qal.

It-Tabib Luca Padua, li jmexxi t-taqsima tan-newriabilitazzjoni, qal li s-smiegħ tal-mużika, il-ħsejjes u l-ħarsa lejn l-istampi kienu parti importanti mit-terapija ta’ Ilenia.

“Għad hemm triq twila ‘l quddiem, iżda aħna kunfidenti,” qal Padua.

Sadanittant, missier Ilenia, Stefano, irringrazzja pubblikament lil wieħed mill-ħbieb tiegħu li ġietu l-idea biex isir kuntatt ma’ Totti biex isir il-messaġġ bil-video.

“Irrid nirringrazzja wkoll lil Totti li aċċetta mill-ewwel biex jgħaddi messaġġ lil Ilenia. Dan ifisser li għandu qalb kbira. Il-fatt li kellimtu l-isptar kien bħal donni kont qed nitkellem ma’ ħija … grazzi għall-umiltá tiegħu,” qal Stefano. 

L-ex internazzjonali tal-Italja, Totti, qatta’ l-karriera kollha tiegħu ma’ Roma, u lagħab ‘il fuq minn 600 partita tas-Serie A għall-club qabel ma rtira fl-2017.

Share With: