Franco Baresi maħtur president onorarju ta’ AC Milan

Fi stqarrija uffiċjali maħruġa fuq is-sit elettroniku ta’ AC Milan, sar magħruf li l-ex difensur internazzjonali Taljan, Franco Baresi, ġie maħtur bħala president onorarju fi ħdan dan il-club. Din id-deċiżjoni ġiet mħabbra minn Paolo Scaroni li mexxa l-laqgħa tal-membri u li unanimament ivvutaw favur din il-kariga.  

L-istqarrija tkompli tgħid li Baresi għandu dik il-kariżma u fuq kollox kapaċitá li jkun il-president onorarju tal-club. Huma riedu jippremjaw il-lealta’ li Baresi dejjem wera lejn il-kuluri ħomor u suwed tal-club.  

Wara din il-ħatra, diversi partitarji ta’ Milan marru fuq il-mezzi soċjali sabiex jifirħu lil Baresi għal dan ir-rwol ġdid li għandu. Huma rringrazzjawh ta’ dak kollu li għamel kemm kien ilu player ta’ Milan u awgurawlu li jkompli jagħti l-kontribut tiegħu għall-progress ta’ dan it-team. 

Franco Baresi twieled fi Travagliato, villaġġ viċin Brescia nhar it-8 ta’ Mejju 1960 u llum għandu 60 sena.  

Hu kien jilgħab bħala difensur għal għoxrin sena sħaħ bejn l-1977 u l-1997 u dejjem libes il-flokk Rossonero filwaqt li qatt ma biddel il-club. B’kollox huwa lagħab 532 partita u skorja 16-il goal.  

Baresi kien ukoll membru regolari tat-team nazzjonali Taljan bejn l-1982 u l-1994 fejn irrappreżenta lil pajjiżu għal 81 darba filwaqt li skorja goal wieħed biss.  

Share With: