Ġermaniża taqa’ għoli ta’ tliet sular f’Għawdex… Sewwieq ta’ mutur jitlef il-kontroll tal-mutur

Fiż-żewġ każi separati dawk involuti sofri ġrieħi serji u gravi

Kmieni filgħodu, għall-1:00 a.m, il-Pulizija ġew infurmati mill-Awtoritajiet  tas-Saħħa li kienet għadha kemm weġġgħet persuna wara waqgħa minn gallarija ta’ appartament fi Triq il-Qsajjem, il-Munxar, Għawdex. 

Il-Pulizija marret fuq il-post u minn investigazzjoni preliminari rriżulta, li kienet waqgħet Ġermaniża ta’ 53 sena minn ġo gallarija li tinsab fit-tielet sular.  

Fuq il-post issejħet ambulanza, ħadet lill-vittma l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi serji.  

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Brigitte Sultana LL.D ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.  L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. 

Jitlef il-kontroll tal-mutur u jsofri ġrieħi gravi

Raġel ta’ 34 sena kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei, għax weġġa’ f’inċident bil-mutur l-Imġarr. 

Kienu xi s-7:30 p.m, xħin il-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu  kemm seħħ inċident tat-traffiku fi Triq Għajn Tuffieħa. 

L-ewwel investigazzjonijiet juru li r-raġel, li joqgħod Ħaż-Żabbar, kien qiegħed isuq mutur KTM 690SM, tilef il-kontroll u waqa’. 

Ir-raġel ittieħed l-isptar b’ambulanza u ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi. 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. 

Share With: