Għal kull €2 vawċers intefqu €3.18 aktar

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri irrimarka fil-Parlament kif għal kull €2 li ngħataw f’vawċers intefqu €3.18 aktar minn dawk li użawhom.

Huwa semma dan waqt li kien qed iwieġeb mistoqsijiet parlamentari b’rabta mal-vawċer ta’ €100 li l-Gvern ta lill-parti l-kbira tal-poplu Malti u Għawdxi f’tentattiv li jqajjem l-ekonomija mill-impatti negattivi tal-Covid19.

Schembri spjega kif għal kull €1 minfuq fil-vawċers ħomor, dawk li jistgħu jissarrfu f’postijiet ta’ akkomodazzjoni u restoranti, intefqu €1.36 oħra mentri għal kull €1 minfuqa fil-vawċers blu, dawk għall-ħwienet inkluż tax-xagħar, intefqu €1.82 oħra.

Huwa nsista li kieku l-Gvern ta ċekk ta’ €100 lill-poplu flok vawċers ħafna minnhom kienu jiġu depożitati fil-banek imma huwa ried li dawn jiġġeneraw l-ekonomija u semma kif l-injezzjoni ta’ €44 miljun ħolqot attivita ekonimika ta’ €65 miljun b’madwar 5,500 negozju japplikaw għas-‘software’ biex isarrfuhom.

Schembri semma kif ir-restoranti u l-bars li tkellem magħhom kollha kellhom kliem pożittiv għal dawn il-vawċers fosthom dawk fil-Belt li minbarra d-daqqa tas-soltu li jsofr fis-sajf għax ħafna nies jagħżlu li jonfqu flus x’imkien ħdejn il-baħar issa kellhom jiffaċċjaw in-nuqqas ta’ turisti nkluż dawk li jiġu bil-vapri tal-passiġġieri.

Huwa irrefera wkoll għal Għawdex u qal li minħabba li ħafna Maltin ma setgħux isiefru marru jqattgħu l-vaganza tagħhom fiha u b’hekk għenu fl-ekonomija ta’ din il-gżira.

Il-ministru responsabbli mill-ekonomija żied li huwa ikkalkulat li b’kollox il-vawċers li rċevew madwar 440,000 persuna iġġeneraw 70% tal-konsum fir-restoranti.

Schembri kien mistoqsi wkoll dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Airmalta u jekk il-Gvern kienx se jagħmel talba lill-UE biex tgħin lil pajjiżna f’dawn iż-żminijet fejn is-settur tal-avjazzjoni huwa milqut mill-pandemija.

Waqt li dwar il-qagħda finanzjarja qal li ma kellux l-informazzjoni mitluba, Schembri ikkonferma li fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jressaq it-talba uffiċjali għall-għajnuna kif qed jagħmlu diversi pajjiżi tal-UE.

Share With: