Għażilt li nivvota favur il-bdiewa Maltin u Għawdxin – Il-MPE Dr Josianne Cutajar

1. Għalfejn fl-aħħar seduta plenarja mort kontra l-linja tal-Grupp politiku li tifforma parti minnu u vvutajt kontra l-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrarja Komuni?

Għax għażilt li nivvota favur il-bdiewa Maltin u Għawdxin. Ma stajtx nivvota favur il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrarja Komuni għax ma jaħsibx fil-bżonnijiet speċifiċi li għandhom l-bdiewa u r-raħħala fil-gżejjer bħal tagħna. Għalhekk ivvutajt kontra l-pjan strateġiku għal ġid tal-bdiewa lokali li mingħajr id-deroga se jitilfu €3 miljun f’appoġġ parzjalment akkoppjat. Telfa li meta tqis id-diffikultajiet kollha li ħabbtu wiċċhom magħhom il-bdiewa u r-raħħala tagħna fis-snin li għaddew, se jieħu l-qasam agrikolu Malti fit-tarf. Bħalma nsostni fuq suġġetti oħra, li jgħodd għall-bdiewa u r-raħħala f’pajjiżi kbar, mhux neċessarjament huwa fl-interess tal-operaturi fis-settur agrikolu ta’ gżira ċkejkna. 

Jiena rrid nara li bil-Politika Agrarja Komuni l-bdiewa jibqgħu jirċievu dħul xieraq. Irridu nassiguraw li l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea tasal għand dawk il-familji li għandhom l-aktar bżonn. Fuq kollox biex naċċertaw li dawn il-familji li jaħdmu l-art b’dedikazzjoni kbira, jibqgħu għaddejjin u jibqgħu jfornu lill-komunità b’ikel bnin u ta’ kwalità. 

Bħala stat ta’ fatt tajjeb li nfakkru li mill-2003 ‘l hawn l-UE tilfet madwar terz tal-irziezet tagħha, f’pajjiżi u reġjuni aktar minn oħrajn. Ħafna minn dawk l-irziezet li ntilfu kienu żgħar u jfornu komunitajiet ċkejknin. 

Irridu wkoll naraw li bil-politika u kif niżviluppawha ninċentivaw demm ġdid u żagħżugħ biex jagħżel din il-professjoni minkejja li kuljum dan qed isir aktar diffiċli.

2. X’inhuma l-kummenti tiegħek għall-Baġit imħabbar mill-Gvern għas-sena 2021?

Permezz ta’ dan il-budget nara li l-Gvern ta prova ta’ għaqal u sens ta’ ppjanar tajjeb ħafna. Meta tqis li rnexxielu jipproduċi baġit pożittiv waqt li d-dinja għaddejja minn pandemija u t-turiżmu – settur kruċjali għal Malta – ħa daqqa, juri kemm il-ħidma tal-aħħar snin qed tħalli l-frott tagħha. Dan huwa l-mument diffiċli li ta’ spiss tkellimna dwaru meta konna niddiskutu l-għaqal tal-Gvern u l-ħtieġa li jiġi sostnut ċertu tkabbir. Minkejja l-isfidi mdaqqsin li ġġib magħha kriżi ta’ saħħa pubblika, il-gvern Malti rnexxielu jkompli jinvesti fis-servizzi pubbliċi, isaħħaħ l-assistenza lil dawk li għandhom l-inqas dħul u jara kif se jeleva lil min hu l-aktar vulnerabbli. F’dan nara l-għaqal imma wkoll l-empatija tal-gvern lejn min jeħtieġ l-aktar il-protezzjoni speċjalment f’dan iż-żmien ta’ inċertezza. 

Laqatni wkoll il-ħsieb fit-tul li ħareġ f’dan il-baġit. Bi kriżi ta’ saħħa pubblika fuq nett tal-aġenda, mhux faċli tħares ‘il quddiem wisq u tħażżeż il-futur. Madanakollu l-gvern kien kapaċi jippreżenta għadd ta’ miżuri li se jgħinu lill-pajjiż jagħmel qabża ambjentali u magħha jkompli jimmodernizza infrastrutturalment, mhux l-inqas permezz ta’ sistema ta’ trasport tal-massa.  

Irnexxielu jressaq miżuri li juru viżjoni ta’ ekonomija diġitalizzata u proġetti li se jkomplu jagħmlu l-gżejjer Maltin bejta tat-talent u l-innovazzjoni diġitali. F’dan kollu jolqotni l-aktar l-investiment fin-nies u fit-tisħiħ tal-ħiliet tagħhom li jirrappreżenta l-aktar investiment importanti fil-futur tal-pajjiż, tas-suq tax-xogħol u tal-istabbiltà tal-familji. 

L-istess diġitalizzazzjoni tista’ tkun fundamentali għal qawmien mill-ġdid tal-qasam turistiku. L-investiment f’teknoloġiji innovattivi min-negozji fil-qasam turistiku biss jistgħu jagħmlu possibbli l-viżjoni tal-gvern li s-settur jaqleb net zero, carbon neutral, li jfisser li ma jibqax iniġġes u għalhekk ma jibqax joħloq impatt fuq l-ambjent ta’ madwarna. Nirikonoxxi li mhuwiex faċli l-pjan tal-gvern, li naslu biex kull stabbiliment turistiku f’pajjiżna jibda jiġġenera biżżejjed enerġija u minn sorsi nodfa u jnaqqas il-konsum. 

In-negozji fil-qasam turistiku jridu qawmien tas-settur u jridu li nimmodernizzaw bis-serjetà, imma din it-tranżizzjoni f’dan il-mument tirrikjedi appoġġ qawwi kemm fuq livell nazzjonali u anke Ewropew. 

Meta kmieni din il-ġimgħa indirizzajt l-Konferenza tar-Reġjuni Marittimi fil-Periferija li trattat is-sitwazzjoni tat-turiżmu fil-Mediterran, jiena identifikajt l-Bank Ewropew tal-Investiment bħala l-istituzzjoni li għandha ċ-ċavetta f’idha biex tagħti aċċess denju għall-finanzjament li jeħtieġu n-negozji ż-żgħar fil-qasam turistiku. Wara li bħala Task Force tat-Turiżmu fil-Parlament Ewropew sħaqna fuq li sħaqna biex il-baġit Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin ikun jinkludi fondi direttament dedikati għal turiżmu sostenibbli, u dan ma wasalx, irid ikun il-Bank tal-Investiment, minbarra l-pjan ta’ rkupru nazzjonali, li jaħseb għall-qawmien mill-ġdid tal-qasam turistiku b’mod li l-operat isir aktar effiċjenti, nadif u modern. 

3. X’taħseb mill-fatt li l-Kummissjoni Ewropea fetħet proċeduri kontra Malta (u Ċipru) minħabba l-programmi ta’ ċittadinanza b’investiment?

Jiena nara li dawn il-programmi ġew politiċizzati. Biex nieħdu eżempju f’pajjiżna, għandna attakk konċertat li ilu għaddej minn qabel mal-programm ta’ ċittadinanza b’investiment daħal fis-seħħ, kemm lokalment u kemm mill-kollaboraturi kontra Malta fil-Parlament Ewropew. 

L-allegazzjonijiet fil-każ ta’ Ċipru huma serjissimi u jidhru fondati. Il-ħażin huwa li storja bħal din, li jista’ jkun li hija bbażata fil-verità, tħeġġeġ attakk frontali kontra programmi oħra li għandhom ferm aktar ċertezzi legali u standards ta’ verifika ogħla, bħalma huwa l-programm offrut minn Malta. 

Fl-Unjoni Ewropea huma diversi l-pajjiżi li joffru xi tip ta’ skema ta’ ċittadinanza jew ta’ residenza. Il-programmi taħt il-lenti tal-Kummissjoni Ewropea inċidentalment huma tat-tnejn mill-iżgħar Stati fl-Unjoni  – Malta u Ċipru – u dan ikompli jsaħħaħ il-fehma tiegħi li l-proċess huwa politiċizzat u mhux iggwidat minn kriterji oġġettivi. 

Oġġettivi żgur huma t-trattati Ewropej li jiena nħares ta’ kuljum fil-ħidma tiegħi ta’ membru tal-Parlament Ewropew. Dawk it-trattati jfissru l-identità Ewropea tagħna u l-valuri li nħaddnu. Dawk it-trattati jqisu ċ-ċittadinanza bħala kompitu nazzjonali u mhux Ewropew u għaldaqstant ma nistenniex li l-Kummissjoni Ewropea taqa’ għal mottivi politiċi ta’ min għandu interess li jieqaf l-investiment edukattiv, mediku u soċjali li għaddej bis-saħħa tal-programm ta’ ċittadinanza li toffri Malta. 

Nemmen li l-Kummissjoni tista’ tirrakomanda numru ta’ elementi li għandhom ikunu parti minn skema ta’ residenza u ċittadinanza offrut minn pajjiż membru tal-Unjoni. Nemmen ukoll li għandna flimkien naqblu fuq sett ta’ kredenzjali u kwalifiċi li għandu jkollu kull min jagħmel il-qligħ mill-bejgħ u l-promozzjoni ta’ servizzi relatati ma’ dawn l-iskemi. Hekk jitnaqqsu d-dubji, tiżdied iċ-ċertezza u jissaħħaħ l-istess prodott. 

Huwa ftit surreali l-fatt li riżultat tal-pressjoni politika ta’ wħud li nafu biċ-ċert li m’għandhomx l-interess tal-pajjiż għal qalbhom, pajjiżna se jkun suġġett għal proċeduri b’rabta ma’ programm li jinsab fil-proċess biex jingħalaq. Programm li l-pajjiż minnu daħħal aktar minn €1 biljun li għenuna nsalvaw eluf ta’ impjiegi u l-ħajjiet matul il-pandemija minbarra li saru investiment fis-saħħa, fl-akkomodazzjoni u fl-isports. 

Meta jitqajjem dan is-suġġett fl-istituzzjonijiet Ewropej jiena nsostni li l-programm ta’ Malta ma jistax jitqabbel ma’ oħrajn. Speċjalment fid-dawl tar-riforma li għaddejja b’numru ta’ liġijiet ġodda li se jwasslu għal programm kompletament ġdid li jagħti dritt għal residenza u li eventwalment jiftaħ it-triq għaċ-ċittadinanza. Il-proċess riġidu ta’ verifika se jibqa’ u se jissaħħaħ u min jgħaddi minnu biss ikollu d-dritt li jsir ċittadin Malti. Fil-qafas il-ġdid ukoll l-aġenti fis-settur se jkunu s-suġġett ta’ regolazzjoni speċifika. 

Share With: