Ġuvni mixli li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ minuri

Il-Pulizija tgħid fil-Qorti li l-“grooming” tat-tfal kien ilu żmien twil għaddej

Ġuvni ta’ 20 sena minn Ħaż-Żabbar ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li bejn l-2013 u l-2015 ipparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ ġuvni taħt l-età u li ppropona li jiltaqa’ ma’ minuri ieħor b’mezzi ta’ komunikazzjoni.

L-imputat, li ismu mhux qed jiġi mxandar fuq ordni tal-Qorti minħabba li meta seħħew l-allegati reati huwa kien għadu taħt l-età, wieġeb mhux ħati tal-akkużi li nġiebu kontrih mill-Ispetturi Joseph Busuttil u Dorianne Tabone. 

L-Ispettur Busuttil spjega lill-Maġistrat Audrey Demicoli kif il-“grooming” tal-minuri kienu ilu żmien twil għaddej u mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija nstab li kien hemm diversi minuri li huwa pprova jiltaqa’ magħhom, fosthom anke ta’ 13-il sena.

L-Avukat Michael Sciriha, li deher għall-imputat, talab li fid-dawl tal-problemi psikjatriċi li għandu l-klijent tiegħu u biex il-Qorti jkollha stampa aktar ċara tas-sitwazzjoni tiegħu jkun innominat espert psikjatriku biex jeżaminah. Din it-talba ġiet milqugħa, bil-Qorti taħtar lil Dr Rachel Taylor East biex issegwih.

Sussegwentement saret talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-biża’ ta’ intralċ ta’ provi. Il-Qorti iżda laqgħet it-talba taħt diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €10,000. Huwa kien ukoll ordnat biex ma javviċinax lix-xhieda tal-Prosekuzzjoni.

Share With: