Gvern aċċessibbli għal kulħadd u miftuħ għad-djalogu – Il-PM Robert Abela

F’laqgħa ta’ konsultazzjoni għall-Budget 2021 mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni għall-Persuni b’Diżabilità fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru qal li dan hu gvern aċċessibbli għal kulħadd u miftuħ għad-djalogu.

Matul il-laqgħa, il-Prim Ministru laqa’ kritika kostruttiva dwar l-impatt li kellhom ir-restrizzjonijiet li ddaħħlu kawża tal-pandemija fuq il-persuni b’diżabbiltà.

Hu qal li l-iktar ħaġa faċli għall-Gvern hi li jżid ir-restrizzjonijiet. Madankollu saħaq li l-Gvern irid iqis l-impatt fuq kull settur inkluż dak tal-persuni b’diżabbiltà. Tenna l-importanza li l-poplu jibqa’ josserva r-restrizzjonijiet u appella għar-responsabbiltà kollettiva.

Semma li diġà bdiet ħidma biex jiżdied l-infurzar tar-regolamenti u qal li dan hu kruċjali biex nibqgħu ngħixu l-ħajja ta’ kuljum u ebda settur ma jkollu jerfa’ piż ikbar minn ieħor.

Il-Kummissarju tal-Kummissjoni għall-Persuni b’Diżabbiltà Oliver Scicluna tkellem dwar l-impatt li ġabet magħha l-pandemija fuq il-persuni b’diżabbiltà.

Semma li bir-restrizzjonijiet ra ħafna persuni b’diżabbiltà jbatu mhux biss minħabba d-diżabbiltà tagħhom, iżda wkoll problemi marbuta ma’ saħħa mentali.

Il-Kummissarju Scicluna qal li l-edukazzjoni hi dritt fundamentali u għandha tingħata fuq il-bankijiet tal-iskola u mhux minn wara screen. Qal li hemm numru kbir ta’ studenti b’diversi kundizzjonijiet li ma jippermettulhomx isegwu lezzjonijiet online.

Hu qal li l-ħajja tal-persuni b’diżabilità tiddependi fuq ħafna affarijiet, fosthom l-edukazzjoni, it-terapiji, servizzi fil-komunità, u dan għandhom jibqgħu għaddejjin inkluż fi djar residenzjali li jgħixu fihom.

Matul il-laqgħa, is-Sur Scicluna ppreżenta wkoll riċerka li saret mis-CRPD lill-Prim Ministru u rringrazzja lill-Gvern li ħadem bir-riżorsi li kellu u għamel ir-restrizzjonijiet b’għarfien limitat f’sitwazzjoni li qiegħda tinbidel mil-lum għal għada.

Huwa nnota wkoll li saru avvanzi ’l quddiem biex il-persuni b’diżabilità jidħlu fid-dinja tax-xogħol kif ukoll iż-żieda fl-allowance għall-persuni b’diżabilità li ma jistgħux jaħdmu. Hu qal li dawn kollha kienu passi importanti li kellhom jittieħdu.

Share With: