Ħaddiem li tgħaffeġ minn pjanċi jitlef talba għal kumpens

Imħallef ċaħad it-talba li għamillu ħaddiem li weġġa’ fuq il-post tax-xogħol wara li ikkonkluda li kien hu li jaħti għall-inċident.

John Azzopardi fetaħ il-kawża kontra Nicodemu Frendo u Toon Malta Limited b’rabta mal-każ li kien seħħ fit-28 ta’ Awwissu 2015 f’Manoel Island.

Azzopardi spjega kif Frendo kien qed isuq forklifter waqt li huwa kien qed iħott xi pjanċi tal-ħadid minn fuq l-istess forklifter.

F’ħin minnhom Frendo qaleb il-frieket tal-forklifter u l-pjanċi żżerżqu għal fuq fejn spiċċa mgħaffeġ mal-art.

Azzopardi żied li kawża ta’ dan l-inċident sofra ksur fix-xewka ta’ dahru u llum ibati minn diżabilità ta’ 15%.

Huwa żamm lil Frendo u lill-kumpanija responsabbli tal-inċident u għalhekk talab għal kumpens għalkemm huma ċaħdu li kellhom xi tort bi Frendo jgħid li l-pjanċi ma kienux marbutin sew u għalhekk waqgħu.

Il-kawża nstemgħet quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff li, fost oħrajn, sema lil Azzopardi u Frendo jixhdu minbarra diversi esperti.

L-Imħallef Mintoff qajjem dubji dwar il-mod kif Azzopardi u kollega tiegħu rabtu l-pjanċi u sostna li l-mod kif kienu jagħmlu dan kien ta’ tħassib waqt li żied li qatt ma kellhom jaċċettaw jew jitolbu li jużaw forklifter ta’ terzi.

Huwa qabel li mill-provi li tressqu irriżulta li l-lant tax-xogħol ta’ Azzopardi ma kienx wieħed sikur iżda nsista li għal dan ma kienx jaħti Frendo u kellu jkun il-prinċipal tal-vittma li jassigura li l-impjegati tiegħu jingħataw lbies protettiv u għodda adattata.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Imħallef Mintoff ċaħad it-talba ta’ Azzopardi biex Frendo u l-kumpanija Toon Malta jikkumpensawh.

Share With: