Ħames immigranti jintbagħtu 30 xahar ħabs b’rabta mal-irvellijiet fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi

Ħames irġiel involuti f’irvell fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi ġimagħtejn ilu ntbagħtu 30 xahar ħabs kull wieħed.

Atshaha Atewarki, ta’ 21 sena mill-Eritrea, u Kitu Adam, ta’ 22 sena, Baher Aden, ta’ 24 sena, Ali Nabil, ta’ 18-il sena u Radu Good Deng, ta’ 25 sena, bl-aħħar erbgħa lkoll mis-Sudan, għall-biedu kienu ċaħdu l-akkużi miġjubin fil-konfront tagħhom madankollu aktar tard ammettew.

Huma kienu fost 27 persuna li tressqu l-Qorti fid-19 ta’ Settembru li għadda, l-għada tal-irvellijiet fil-barracks ta’ Ħal Safi.

Il-ħames immigranti kienu akkużati li b’mod volontarju għamlu ħsara fi proprjetà ta’ terzi, li kkaġunaw ’il fuq minn €2,500 fi ħsarat, li ħadu sehem f’assemblea illegali ta’ għaxar persuni jew aktar biex iwettqu reat, li rrifjutaw li jobdu ordnijiet leġittimi, li kisru l-paċi pubblika u kif ukoll li kienu kompliċi fit-tqabbid ta’ saqqu bin-nar.

L-irġiel kienu wieġbu mhux ħatja u baqgħu jinżammu fil-kustodja tal-Pulizija.

Madankollu lbieraħ huma informaw lill-Qorti li riedu jirrikunsidraw il-pożizzjoni tagħhom. Huma lkoll iddikjaraw li kienu ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.

Fid-dawl ta’ dan il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia, ikkundannat lil kull wieħed mill-irġeil għal 30 xahar ħabs effettivi.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Janetta Grixti, bl-avukat Christopher Chircop jidher bħala l-avukat għall-għajnuna legali.

Share With: