Herrera b’viżjoni ġdida għall-kunsilli lokali u l-kultura

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, Arti u Gvern Lokali Josè Herrera semma fil-Parlament kif il-Gvern qed jaħseb għal viżjoni ġdida kemm fir-rigward tal-kunsilli lokali kif ukoll fil-qasam tal-kultura.

Huwa irrimarka dan waqt li kien qed jindirizza s-seduta parlamentari tal-Ħamis filgħodu li fiha ġew diskussi l-estimi finanzjarji mħabbra fil-Budget 2021 għall-ministeru li jmexxi.

Waqt li dwar dik għall-kunsill lokali saħaq li jrid li jissaħħu l-kommunitajiet lokali u jkollhom aktar awtonomija, fir-rigward ta’ dik b’rabta mal-kultura semma kif tinsab quddiemu għall-aħħar irtokki mbagħad jgħaddiha kabinett.

Herrera irrefera wkoll għal dak li sejjaħ bħala “kambjament fid-direzzjoni politika” fejn semma kif id-direzzjoni tiegħu hija li s-settur tal-arti jkun sostnut aktar.

Huwa qal li fis-snin li għaddew dan is-settur ta kontribut qawwi lill-ekonomija, f’termini reali iktar mill-kostruzzjoni, u l-ħaddiema li bħalissa għaddejjin minn żmien diffiċli jixirqilhom l-għajnuna.

Kien hawn li Herrera stqarr li ried jillimita l-involviment tal-Gvern f’ċertu proġetti biex ikun jista’ jgħin aktar lil dawn l-impjegati kemm b’għajnuna diretta lill-Kunsill tal-Arti kif ukoll b’għajnuniet indiretti oħra.

Fid-diskors tiegħu huwa elenka lista twila ta’ xogħol li qed isir fl-aspett kulturali fejn anke irrefera għall-qari waqt il-pandemija u qal li dak tal-kotba elettroniċi “sploda” u hija l-intenzjoni tiegħu li jkompli jinvesti fihom u fil-libreriji.

Share With: