Il-Benetton Formula 1 Racing Team (1986-2001)

Minn Jordy Brincat

Dan hu t-tieni team wara dak ta’ Shadow F1 Team (1976), li uffiċjalment biddel in-nazzjonalità tiegħu. Bejn l-1986 u l-1995 dan kellu liċenzja Ingliża, iżda wara, bejn l-1996 u l-2001, akkwista l-liċenzja Taljana. Dan minħabba li l-familja li kienet tmexxieh riedet li t-team iġorr il-bandiera ta’ pajjiżha. S’issa għadu l-uniku team fl-istorja tal-Formula 1 li kiseb rebħa minn daqstant tiġrijiet taħt iż-żewġ nazzjonalijiet differenti. Minn ġewwa l-fabbrika antika tat-team Toleman f’Oxfordshire, bena fabbrika ikbar u iżjed moderna f’Enstone l-Ingilterra. F’din is-sensiela ta’ artikli dwar diversi timijiet tal-Formula 1, dan ix-xahar se naraw flimkien l-istorja ta’ team li l-isem tiegħu hu l-aktar sinonimu u magħruf mad-dinja tal-moda tal-ħwejjeġ – Benetton Formula 1 Racing Team.

Il-kumpanija Benetton daħlu bħala sponsors fil-Formula 1 mat-team Tyrell fl-1983. Bejn l-1984 u l-1985, marru mal-Alfa Romeo, u fl-1985 kienu jisponsorjaw ukoll lit-team ta’ Toleman. Dan it-team iddiżappunta bil-kbir matul din is-sena, fejn anke matul l-ewwel tlett itlielaq ma pparteċipax. Matul is-sitt itlielaq ta’ wara, Toleman saqu b’karozza waħda, wara li kellhom nuqqas ta’ ftehim mal-kumpanija li tfornilhom it-tyres. Is-sewwieq Teo Fabi, kiseb pole position fil-grandprix tal-Ġermanja, però t-team ma ġabar l-ebda punt matul il-kampjonat minħabba nuqqas ta’ affidabilità. Mill-20 tellieqa li kien hemm matul l-istaġun, kienu biss darbtejn li s-sewwieqa tat-Toleman raw il-bandiera finali. Fl-aħħar tal-1985, ġiet ifformata l-Benetton Formula Ltd wara li l-familja Benetton xtraw it-team tat-Toleman.

Għall-1986, Toleman kienu diġà żviluppaw il-karozza TG186. Benetton dawru l-isem tagħha għal B186. Matul l-ewwel staġun tal-Benetton fil-Formula 1, dawn mill-ewwel biddlu l-fornituri tal-magni li kienu jissupplixxu lit-Toleman – minn Hart għal dik iżjed b’saħħitah BMW M12. Għal dan l-istaġun żammew lis-sewwieq Teo Fabi u mingħand l-Arrows ġabu lis-sewwieq Gerhard Berger.

L-ewwel karozza Benetton kienet b’saħħitha matul l-istaġun kollu. Berger kiseb l-ewwel podju għal dan it-team fiċ-ċirkwit ta’ Imola u fil-grand prix tal-Belġju beda mit-tieni post. Min-naħa l-oħra, is-sewwieq Fabi kiseb żewġ pole positions konsekuttivi: fl-Awstrija u fl-Italja qabel ma’ Berger kiseb ukoll l-ewwel rebħa għal dan it-team fil-grand prix tal-Messiku. 

Sfortunatament, il-Benetton ma kinitx karrozza affidabbli, tant li sofriet diversi ħsarat matul il-kampjonat. Waqfu għal 19-il darba matul it-tellieqa, bi tmienja minnhom ikunu konsekuttivi għal Fabi. Benetton spiċċaw il-kampjonat fis-sitt post b’total ta’ 19-il punt. Fi tmiem l-istaġun, Berger mar mal-Ferrari u dan ġie sostitwit mil-eks-sieħeb fit-team tal-Arrows, Thierry Boutsen. Il-magna BMW, li matul l-1986 kienu jagħtu l-magni tagħhom lil tliet timijiet, iddeċidew li għall-1987 jagħtu l-magni tagħhom lil Brabham. Benetton irnexxielhom jilħqu ftehim mal-Ford biex ikunu dawn il-magni li jsuqu fuq il-B187. Sfortunatament, fil-bidu tal-kampjonat, dan it-team kellu problemi fil-magna, però wera titjib matul il-kampjonat. Għal darbtejn kiseb post fuq il-podju fil-grand prix tal-Awstrija u dik tal-Awstralja rispettivament. Spiċċa l-kampjonat fil-ħames post tal-klassifika bi 28 punt.

Fl-1988, is-sewwieq Fabi tneħħa biex ħa postu s-sewwieq Alessandro Nannini li ffirmaw mingħand il-Minardi. Il-Benetton B198, kienet għal darb’oħra aħjar mill-predeċessur tagħha, fejn din kellha inqas min-nofs il-problemi fil-magni u ġabret total ta’ seba’ podji – kollha fit-tielet post. Fuq iċ-ċirkwit tal-Belġju, Boutsen li kiseb it-tielet post, ġie skwalifikat flimkien ma’ Nannini minħabba irregolarità fis-sistema tal-fuel. Dik is-sena spiċċaw fit-tielet post b’39 punt. Fil-kampjonat ta’ wara, Boutsen telaq mit-team biex issieħeb mar-rivali l-Williams. Dan ġie sostitwit bid-debuttant Johnny Herbert. Il-magna l-ġdida Ford għall-B189 ma kinitx lesta sal-bidu tal-kampjonat u min-naħa l-oħra l-magna tal-istaġun ta’ qabel ma kinits toqgħod fil-karozza l-ġdida. It-team ma kellux għażla oħra għajr li juża l-istess karozza tas-sena ta’ qabel. Minkejja dan kollu, l-B198 uriet li kienet għadha kompettitiva, b’Nannini jikseb il-podju waqt it-tellieqa ta’ Imola. Intant, Herbert qabel ma ddebuta fl-ewwel tellieqa tiegħu, għadda minn inċident ikrah waqt il-Formula 3000, fejn sofra ksur fiż-żewġ saqajn. Għalkemm kiseb riżultati sodisfaċenti, Herbert tkeċċa mit-team wara li ma kkwalifikax għall-grandprix tal-Kanada. Ħareġ biċ-ċar, li dan is-sewwieq ma kienx għadu rkupra sew mill-inċident li kellu. Dan ġie mibdul mat-test driver tal-McLaren, Emanuele Pirro. Fl-aħħar, il-B189, kienet lesta biex tintuża għat-tellieqa ta’ wara. Pirro rnexxielu għal darba waħda jidħol fiż-żona tal-punti permezz tal-ħames post miksub fl-Awstralja. Benetton spiċċaw dan il-kampjonat fir-raba’ post, b’total ta’ 39 punt.

Qabel il-kampjonat tal-1990, il-familja Benetton keċċew il-maniġment tat-team u minfloku ġabu lin-negozjant Flavio Briatore bħala l-kap tat-team. Is-sewwieq Emanuele Pirro twaqqaf ukoll minn mat-team u minfloku ffirmaw lit-tlett darbiet ċampjin tad-dinja Nelson Piquet, wara li dan ħalla lit-team tal-Lotus. Il-Benetton bdew il-kampjonat bil-B189 immodifikata qabel mal-B190 ġiet introdotta matul it-tielet tellieqa tal-istaġun. Sa dik is-sena, is-sena 1990, kienet l-iktar sena ta’ suċċess għall-Benetton. Piquet irnexxielu jirbaħ l-aħħar żewġt itlielaq tal-kampjonat u kiseb ukoll sitt podji. Għal Nannini kienet sena traġika, fejn dan tilef dirgħajh il-leminija wara li kellu inċident bil-ħelikopter. Wara li saret l-operazzjoni meħtieġa, sfortunatament għalih kien kollu għalxejn, u għalhekk kellha tintemm ħesrem l-esperjenza tiegħu bħala sewwieq tal-Formula 1. Ġara wkoll li s-sewwieq Roberto Moreno spiċċa mingħajr post wara li t-team tiegħu Eurobun ħareġ minn dan l-isports. Għalhekk il-Benetton iffirmaw lil Moreno minflok Nannini. It-tellieqa li kien imiss, dik fil-Ġappun, kienet l-ewwel darba li spiċċaw it-tiġrija fl-ewwel u fit-tieni post rispettivament. Dan kien l-ewwel u l-uniku podju miksub minn Moreno. It-team tal-Benetton spiċċaw il-kampjonat fit-tielet post b’total ta’ 71 punt.

Fl-bidu tal-1991, il-Benetton laħqu ftehim ma’ title sponsor ġdid. Il-kumpanija Amerikana tas-sigaretti Camel iffirmat ftehim ma’ dan it-team biex ikunu huma t-title sponsor ġdid. Din il-kumpanija kienet diġà tidher fuq il-karozzi Benetton bħala reklam żgħir. Dan l-istaġun ma tantx kien wieħed ta’ suċċess għal dan it-team ipparagunat ma’ dak ta’ qablu. Piquet irnexxielu jikseb rebħa fortunata wara li Nigel Mansell irtira fl-aħħar dawra waqt it-tellieqa fil-Kanada. Dan it-team irnexxielu wkoll jikseb żewġ podji oħra matul dan il-kampjonat. F’dik is-sena, il-Benetton, dawru ħarsithom fuq sewwieq żgħir u ta’ talent biex jibnu l-futur tat-team fuqu. Huma raw li kemm Moreno, kif ukoll Piquet, ma kinux biżżejjed biex dan iseħħ. Michael Schumacher kellu debutt mill-iżjed impressjonanti mat-team Irlandiż tal-Jordan, fil-grand prix tal-Belġju. Kaġun ta’ hekk, dan is-sewwieq Ġermaniż ġibed l-attenzjoni mit-team tal-Benetton. Mit-tellieqa ta’ wara, Schumacher sab postu mal-Benetton minflok Moreno. Jordan ipprotestaw għal din iċ-ċaqliqa u daħħlu dan il-każ quddiem il-Qorti Ingliża – però s-sentenza nqatgħet favur il-Benetton.

Fl-istaġun 1992, Tom Walkinshaw Racing xtraw sehem fit-team tal-Benetton. Tom Walkinshaw flimkien ma’ Ross Brawn daħlu biex joperaw l-inġinerija tat-team. Dik is-sena t-team mexa għall-fabbrika l-ġdida fil-villaġġ ta’ Enstone. Is-sewwieq Nelson Piquet irtira għal kollox mill-Formula 1 biex postu ma’ dan it-team ħadu l-Brittaniku Martin Brundle mingħand il-Brabham. Il-Benetton B192 damu ma lestewha, u għalhekk kellhom jużaw l-B191 li kienet ġiet aġġornata biex tkun tista’ ttellaq fl-ewwel tlett itlielaq. B’din il-karroza antika tal-1991, Michael Schumacher kiseb żewġ podji. Il-B192, kienet karozza li rat progress kbir, meta din tal-aħħar rat 11-il podju ieħor – inkluża l-ewwel rebħa tal-Ġermaniż Schumacher fuq iċ-ċirkwit ta’ SPA-Francorchamps fil-Belġju. Fi tmiem dan l-istaġun, il-Benetton spiċċaw fit-tielet post b’91 punt. L-istaġun ta’ wara, fl-1993, Martin Brundle ġie mibdul mis-sewwieq veteran tal-Williams, Riccardo Patrese. Din il-karozza, l-B193 kienet simili għall-predeċessur tagħha fuq bażi ta’ kompetittività, u l-istess Schumacher rebaħ b’din il-karozza fuq iċ-ċirkwit tal-Portugal. Ma’ din ir-rebħa, it-team kiseb għaxar podji oħra matul l-istaġun. Minkejja dawn ir-riżultati tajbin u inkoraġġanti, tul dawn l-aħħar sentejn, il-Benetton qatt ma kienu ta’ sfida għat-team tal-Williams – li matul matul dawk is-snin kienu qegħdin jiddominaw dan l-isports.

Fl-1994, id-ditta tas-sigaretti Camel telqet minn mal-Benetton. Din ġiet mibdula mid-ditta Ġappuniża tas-sigaretti Mild Seven. F’dik is-sena Patrese rtira mix-xena tal-Formula 1, liema karriera kienet waħda mill-itwal karrieri fil-Formula 1 sa dik is-sena. Il-Benetton iffirmaw magħhom lis-sewwieq JJ Lehto mingħand is-Sauber. Sfortunatament, Lehto kellu inċident fejn weġġa’ waqt li kien qed jipprova l-B194, eżatt qabel ma beda l-kampjonat. Postu ħadu s-sewwieq ta’ riserva tat-team, l-Olandiż Jos Verstappen. Din il-karozza kienet waħda dominanti, fejn Micahel Schumacher rebaħ l-ewwel sitta minn seba’ tiġrijiet u kiseb l-ewwel pole position lit-team sa mill-1986. Ix-xufiera l-oħra, Verstappen u Lehto, ma tantx kellhom sena ta’ suċċess. Verstappen kellu jirtira fl-ewwel żewġ tiġrijiet tal-kampjonat, wara li kellu żewġ inċidenti separati. Lehto kien ġie iċċertifikat tajjeb biex ikun jista’ jsuq, għat-tellieqa f’Imola, però fl-erba’ tiġrijiet li saq, kulma kien kiseb kien punt wieħed biss. It-team reġa’ bidlu ma’ Jos Verstappen mit-tellieqa ta’ Franza ‘l quddiem. F’nofs il-kampjonat Schumacher ġie mċaħħad minn rebħa fil-Belġju wara li l-karozza rriżulta li kellha xi irregolaritajiet fiha. Kawża ta’ hekk, il-Ġermaniż weħel milli jsuq fiż-żewġ tlielaq li kien imiss, u Letho kellu jirritorna jsuq minfloku. Biex għall-inqas il-Benetton jipprovaw jirbħu l-kampjonat tal-kostrutturi, dawn biddlu lix-xufier Verstappen ma’ Johnny Herbert għall-aħħar żewġt itlielaq, iżda Herbert irtira fit-tnejn li huma. Din is-sena Michael Schumacher rebaħ l-ewwel kampjonat mondjali tal-Formula 1. Min-naħa l-oħra, il-Williams rebħu l-isfida li kellhom mal-Benetton.

Wara tmien snin bil-magni Ford fuq il-karozza, il-Benetton iffirmaw mar-Renault biex jibda jkollhom il-magni tal-marka Franċiża. Bħala sewwieqa, żammew liċ-ċampjin Schumacher flimkien ma’ Herbert. Verstappen ingħaqad b’self mat-team tas-Simtek. Fil-bidu Schumacher ma tantx kien kuntent bil-karozza, tant li fl-ewwel tlielaq, il-Williams FW 17 kienu ferm aħjar u superjuri minnhom. Mit-tellieqa ta’ Spanja ‘l quddiem, il-B195 għamlet titjib qawwi. Riżultat ta’ dan, Schumacher iddomina l-kumplament tal-kampjonat fejn kiseb disa’ rebħiet minn 17-il tellieqa u finalment rebaħ it-tieni kampjonat mondjali tiegħu. Min-naħa l-oħra, Herbert kiseb l-ewwel podju fil-karriera tiegħu waqt it-tellieqa ta’ Spanja, u rebaħ fuq iċ-ċirkwiti tal-Italja u l-Ingilterra. B’dan l-isforz kollettiv, it-team irnexxielu jakkwista wkoll ir-rebħ tal-kampjonat tal-kostrutturi – wara li matul l-aħħar snin dan kien iddominat mill-Williams.

Mill-kampjonat tal-1996, il-Benetton bdew isuqu bħala kostruttur Taljan, għalkemm xorta waħda l-fabbrika baqgħet fl-Ingilterra. Għalkemm il-Benetton ippruvaw biex iżommu lil Michael Schumacher, dan għażel li jingħaqad mat-team tal-Ferrari. Herbert min-naħa l-oħra ngħaqad mas-Sauber. Il-Benetton iffirmaw lill-Franċiż Jean Alesi, u reġa’ ngħaqad magħhom Gerhard Berger wara li t-tnejn li huma telqu lil Ferrari. Il-Williams, komplew jiddominaw dan l-isports fl-1996 u l-Ferrari grazzi għal Schumacher issa huma wkoll bdew jiġġieldu għar-rebħ u l-unuri. Paragun mas-snin preċedenti, il-Benetton batew u ma bdewx iżommu l-pass mal-oħrajn. Għalkemm l-B196 kisbet għaxar podji, kienet l-ewwel darba sa mill-1988, li dan it-team ma rebaħx tellieqa. Il-Benetton spiċċaw il-kampjonat fit-tielet post b’68 punt – inqas min-nofs li kisbu fl-1995.

Fl-1997, id-Direttur Tekniku Ross Brown flimkien mal-Kap tad-Disinn Rory Byrne u numru ta’ ħaddiema oħra ħallew lil dan it-team biex ingħaqdu ma’ Schumacher u t-team tal-Ferrari. L-B197 bħal ta’ qabilha, batiet biex iżżomm il-pass mal-Williams u l-Ferrari. Madankollu, xorta rnexxielhom jiksbu numru ta’ podji matul il-kors tal-kampjonat. Berger kellu jitlef tlett itlielaq minħabba ċirkostanzi ta’ mard u t-telfa ta’ missieru. Postu ħadu d-debuttant u s-sewwieq ta’ riserva Alexander Wurz. Wurz, fit-tielet tellieqa tiegħu bħala sewwieq, kiseb podju fl-Ingilterra. Berger irritorna għat-tellieqa fil-Ġermanja b’rebħa, wara li beda mill-ewwel post. Benetton spiċċaw il-kampjonat fit-tielet post, b’67 punt.

Il-Kampjonat ta’ wara ra diversi tibdil fit-team. Fl-1998, Berger irtira mill-Formula 1 u Alesi ngħaqad mas-Sauber. Wurz kiseb post regolari fit-team flimkien mat-Taljan Giancarlo Fisichella, fejn dan tal-aħħar ingħaqad magħhom wara li telaq lill-Jordan Grand Prix. Ir-Renault telqu mill-Formula 1, fejn ħallew kemm lill-Williams, kif ukoll lill-istess Benetton bil-magni tal-1997 żvillupati mil-Mecachrome. Benetton semmew il-magni tagħhom Playlife (ditta tal-ħwejjeġ tal-istess familja Benetton). Flavio Briatore wkoll tneħħa u postu ħadu David Richards. Fischella kiseb żewġ podji wara xulxin fit-tellieqa ta’ Monaco u l-Kanada rispettivament. Bil-B197, il-Benetton bdew sejrin lura, fejn fl-aħħar sebat itlielaq kisbu biss punt wieħed. Spiċċaw il-kampjonat fil-ħames post bi 33 punt.

Richards ħalla team tal-Benetton wara sena waħda. Dan ġie mibdul ma’ Rocco Benetton għall-kampjonat tal-1999. Il-magni Renault bdew jiġu żviluppati mill-kumpanija Supertec ta’ Flavio Briatore. Il-B199 kienet diżastruża u li fiha rat il-bidu tat-tmiem ta’ dan it-team. L-uniku riżultat pożittiv li wasal matul dan l-istaġun kien il-podju miksub minn Fisichella fit-tellieqa tal-Kanada. Dan wara li numru ta’ sewwieqa rtiraw mit-tellieqa. Fil-kumplament tal-għaxart itlielaq li kien fadal, il-Benetton kisbu punt wieħed biss. Benetton spiċċaw il-kampjonat b’16-il punt biss u fis-sitt post tal-klassifika.

Qabel il-bidu ta’ kampjonat tas-sena 2000, ir-Renault xtraw lit-team tal-Benetton. Madankollu, il-Benetton baqgħu jżommu l-isem tagħhom. Magħhom reġa’ ngħaqad Flavio Briatore bħala l-Kap tat-team. Il-karozza B200, għamlet pass ‘il quddiem minn dik ta’ qabilha. Dan it-team kiseb tliet podji, kollha mit-Taljan Giancarlo Fisichella. Wurz ma tantx kellu staġun tajjeb, meta matul il-kampjonat kiseb biss żewġ punti fit-tellieqa tal-Italja. Il-Benetton spiċċaw dan l-kampjonat fir-raba’ post b’20 punt.

L-isem tar-Renault reġa’ rritorna fil-Formula 1 lura fl-2001, wara li l-Benetton irċevew konsenja ta’ magni mill-fabbrika tar-Renault. In-nuqqas ta’ riżultati li kiseb Wurz matul is-sena 2000, ra lill-Brittaniku żagħżugħ Jenson Button joħodlu postu, wara li dan tal-aħħar ġie mwaqqaf mill-Williams. Kienet sena li bdiet diżastruża għal dan it-team minkejja dan it-tibdil kollu li sar. Fl-ewwel 11-il tellieqa rnexxilhom jiksbu punt wieħed biss. Fit-tellieqa tal-Ġermanja rnexxielhom jiksbu r-raba’ u l-ħames post rispettivament. Fl-2001, Button u Fisichella bejnietom kisbu għaxar punti għat-team, kif ukoll post fuq il-podju għal Fisichella fil-grandprix tal-Belġju.

Din kienet l-aħħar sena fejn rajna l-isem Benetton fil-Formula 1. Dan hekk kif mis-sena ta’ wara t-team ġie msemmi Renault F1 Team.  Fl-2005 u l-2006, ir-Renault rebħu kemm il-kampjonat tas-sewwieqa, kif ukoll dak tal-kostrutturi, permezz ta’ Fernando Alonso u Giancarlo Fisichella. Fl-2012, dan it-team inbigħ lill-Lotus F1, biex fl-2016 reġa’ nxtara mir-Renault u ħa l-isem tar-Renault Sport Formula One Team. Sal-ġurnata tal-lum dan it-team għadu jopera mill-fabbrika li għandu f’Enstone, li kienet inbniet mill-Benetton fl-1992.

It-team jibqa’ magħruf għas-suċċessi miksuba minn Michael Schumacher, fejn dan rebaħ 19 mis-27 rebħa li kisbu t-team tal-Benetton, kif ukoll għar-rebħ taż-żewġ kampjonati tas-sewwieqa mirbuħa mill-Ġermaniż Schumacher.

Share With: