“Il-Budget 2021 huwa l-mediċina adattata għaż-żminijiet tal-lum”

L-MDA tara stimulu u inċentivi fis-sitwazzjoni tal-Covid-19

Miktub minn Carmen Cachia

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA), Sandro Chetcuti, qal lil inewsmalta li l-Budget 2021 huwa budget li stimula u inċentiva s-sitwazzjoni li hawn preżenti u bih indirizza l-pandemija tal-Covid-19. “F’dan il-budget il-Gvern inċentiva speċjalment is-settur tagħna, li huwa l-industrija tal-bini u tal-proprjetà, li jien nista’ nitkellem dwaru. Però b’mod ġenerali wkoll, għamel dak li kellu jagħmel, għax il-budget kellu jindirizza l-inkwiet li għandna bħalissa fid-dinja,” sostna Chetcuti. 

Il-President tal-MDA qal li l-inkwiet li hawn fid-dinja huwa li hawn biżgħa minħabba l-pandemija fosthom it-telf tal-impjiegi, kif ukoll il-biżgħa li n-negozjanti jitilfu l-motivazzjoni u ta’ min iħaddem. 

“Il-budget 2021 kien il-mediċina adattata għaż-żminijiet tal-lum. Min qiegħed jgħid li l-budget kellu jkun budget innovattiv jew b’viżjoni fit-tul, jien nemmen li dan ma jistax isir fis-sitwazzjoni li aħna fiha għax ma nafux jekk aħniex se nibqgħu ħajjin jew le. Ma ninsewx li llum għandna pandemija li għadha titwieled. It-tama hija li fi ftit xhur oħra jkollna t-tilqima kontra l-Covid-19, però s’issa ma nafux x’se jiġri fosthom jekk it-tilqima hiex se tkun effettiva, jekk in-nies humiex se jeħdu t-tilqima u jekk il-pandemija hiex se tiżvolġi f’xi pandemija oħra,” spjega Chetcuti. 

Huwa qal li d-dinja qiegħda tesperjenza xi ħaġa li ħadd ma jaf x’se jiġri u żied jgħid li, “mela allura jekk għandek in-nies li bħalissa m’humiex qegħdin f’sitwazzjoni li jimxu bir-rutina tas-soltu, bilfors trid taħseb kif ħa tindirizza s-sitwazzjoni taż-żminijiet tal-lum ħalli aħna nibqgħu ħajjin u nibqgħu nkabbru l-ġid u naħdmu f’ekonomija b’saħħitha kemm jista’ jkun”. Sostna li, dan ma jfissirx li l-kaxxa ta’ Malta ħa tmur tajjeb għax il-Gvern bilfors se jagħmel ċertu telf, però l-inċentivi li għamlet l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin ġew aċċettati.

“L-Assoċjazzjoni tagħna rnexxielha tikkonvinċi lill-Gvern jagħmel għadd ta’ inċentivi fosthom tal-First Time Buyers. Nafu li matul iż-żminijiet il-proprjetà għoliet u min se jixtri proprjetà għall-ewwel darba, illum se jiġi eżentat sa €200,000 u din hija miżura tajba ħafna li tistimula wkoll anke aktar bejgħ. Għandek ukoll it-tiġdid fuq l-inċentivi li daħħalna waqt il-Covid – it-traħħis tat-Taxxa tal-Boll; it-Taxxa fuq il-Qligħ kapitali (Capital Gains) li minn 8% niżlet għal 5%; dik li minn 5% niżlet għal 1.5% fuq bejgħ u xiri sa €400,000; kif ukoll l-iskemi kollha li kienu introdotti qabel u li għal darb’oħra ġew imġeddin, inklużi t-taxxa ta’ donazzjoni fuq proprjetà u negozji mill-ġenituri għat-tfal,” elenka l-President tal-MDA.

Huwa qal li fejn jidħol is-settur tal-bini b’dan il-budget l-MDA hija kuntenta mmens li l-Gvern fehem tajjeb kemm l-industrija tal-proprjetà f’pajjiżna tikkontribwixxi lejn il-Prodott Gross Domestiku (GDP) u kemm tħaddem nies f’dan is-settur. “Tajjeb li ninnotaw li l-membri tagħna direttament u indirettament qegħdin iħaddmu madwar 50,000 ruħ u din m’hiex ċajta u l-membri tagħna reġgħu mtlew bil-kuraġġ anke meta tara li l-proposti tagħna waqt il-Covid-19 ħallew il-frott. Infakkar fiż-żieda li kienet reġistrata minn Ġunju ‘l hawn fil-konvenji fejn irriżultaw li kienu l-aqwa xhur f’dawn l-aħħar erba’ snin. Jiena nista’ ngħid li l-Gvern qiegħed jisma’ u jifhem kemm hija importanti l-industrija tagħna,” temm Sandro Chetcuti.

Share With: