“Il-Gvern jifraħ bil-gass, l-UE tqisu maħmuġ” – Ryan Callus

Il-kelliem ewlieni tal-Oppożizzjoni dwar l-enerġija u l-immaniġġjar tal-ilma Ryan Callus irrimarka fil-Parlament li għalkemm il-Gvern jifraħ bil-gass (biex iħaddem il-power station) għandu aħbar ħażina għalih għax l-UE tqisu bħala fjuwil li jħammeġ kuntrarjament għall-enerġija rinovabbli li hija nadifa.

Huwa iddikjara dan fis-seduta parlamentari li matulha ġew diskussi l-estimi tal-Budget 2021 għall-ministeru responsabbli mill-oqsma tal-enerġija u l-immaniġġjar tal-ilma.

Callus beda l-kritika tiegħu billi akkuża lill-Gvern b’nuqqas ta’ ippjanar u faqar kbir f’dan is-settur fejn sostna li fil-budget ma ġie ippreżentat xejn innovattiv u nsista li l-Kummissjoni Ewropea mhix sodisfatta bil-pjan nazzjonali ta’ Malta biex tikkumbatti t-tibdil fil-klima.

Huwa ressaq numru ta’ suġġerimenti lill-Gven fosthom li jagħmel proġetti li jaħdmu bl-enerġija mir-riħ u l-baħar ħalli nisfruttaw il-baħar infinit u fond li għandna u li l-ħlas lill-poplu għall-enerġija rinovabbli ġenerata fid-djar tkun iktar ġusta.

Callus talab ukoll lill-Gvern jagħti direzzjoni lill-Enemalta biex taħseb fit-tieni interconnector, jagħti bidu għal diskussjoni dwar id-dritt li l-individwu jgawdi x-xemx u biex jagħmel funtani tal-ilma ħalli min hu fqir ikollu aċċess għall-ilma.

Fi tmiem l-intervent tiegħu huwa qal li l-unika idea li għandu l-Gvern fl-enerġija hija li jkun hemm erba’ tal-qalba li jgawdu minn korruzzjoni bil-proġetti tal-power station u l-proġett fil-Montenegro.

Share With: