Il-GWU sodisfatta bil-Baġit 2021

Il-General Workers’ Union tilqa’ l-miżuri u hija sodisfatta bil-budget li għadu kemm ħabbar il-Gvern għas-sena d-dieħla tant li tqisu bħala wieħed pożittiv. L-akbar element f’dan il-budget huwa dak soċjali u jindirizza lil dawk l-aktar fil-bżonn u vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, b’sodisfazzjon qal li l-Gvern laqa’ ħafna mill-proposti li ressqet il-GWU fosthom il-proposta biex tkompli tingħata l-ġurnata leave; il-vawċers; iż-żidiet fl-“In Work Benefit”; l-investiment fl-oqsma industrijali; iż-żieda fil-housing; l-investiment fis-settur tas-saħħa; iż-żieda fil-pensjonijiet; il-proposta biex tkun indirizzata anomalija ta’ dawk li twieldu qabbel l-1962 b’mod speċjali n-nisa; kif ukoll iż-żieda tal-allowance għall-faqar u l-għajnuna lill-ekss ħaddiema tat-tarzna li jbatu b’mard ikkawżat mill-asbestos. 

Huwa saħaq li l-mod kif huwa strutturat kemm soċjalment, ekonomikament, l-infrastruttura, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-governanza, il-Gvern laqgħat il-punti kollha li kellu jolqot.

Filwaqt li semma’ l-fatt li dan il-budget ġie ppreżentat fi żmien ta’ pandemija globali, huwa ta’ sodisfazzjon kbira l-fatt li d-dejn tal-pajjiż mhuwiex se jisplodi u pajjiżna se jibqa’ taħt is-60% skont ir-regolament tal-Unjoni Ewropea u li ma żied ebda miżura fuq iċ-ċittadini.

Huwa qal li l-Gvern, anke f’dawn iċ-ċirkostanzi, qiegħed ikompli jagħti refużjoni ta’ taxxa u anke tal-inġustizzji għall-ħaddiema. Bil-benefiċċji kollha li daħlu fil-budget u l-fatt li l-Covid Wage Supplement se jkompli jingħata sa Marzu tas-sena d-dieħla, Bugeja jgħid li l-Gvern qiegħed jagħti ħafna serħan il-moħħ u fiduċja lin-nies li tirriżulta f’kunfidenza li dan il-pajjiż tant jeħtieġ.

Reżiljenza Ekonomika frott l-Għaqal tal-Gvern

Intant il-GWU fi stqarrija wriet l-apprezzament tagħha lejn l-għaqal ekonomiku flimkien mad-dixxiplina fiskali li l-Gvern nieda fl-ekonomija tul dawn l-aħħar snin. Il-Gvern qed jerġa’ jipproġetta baġit mingħajr żieda fit-taxxi.  Dan minkejja l-problemi ekonomiċi kbar li d-dinja qed taffaċċja bħalissa  minħabba l-pandemija.

Is-surplus fiskali li kien riżultat dirett tal-involviment tas-settur privat frott tal-fiduċja li l-Gvern nieda fl-ekonomija tal-pajjiż wassal biex il-Gvern seta’ jaffaċċja din l-kriżi ekonomika frott il-pandemija bi stimulu finanzjarju li pajjiżna qatt ma ra bħalu.   Id-defiċit ipprogettat għandu jwassal għal aktar investiment fil-pajjiż tant illi huwa pprogettat tkabbir ekonomiku fl-2021 ta’ 5% f’termini reali.  Fl-istess ħin, il-Gvern nieda finanzi qawwija fis-settur tas-saħħa biex pajjiżna jkun jista’ jaffaċċja din il-pandemija. 

Il-GWU nnotat diversi miżuri illi l-Gvern nieda f’dan il-baġit li kollha jpoġġu fuq quddiem nett it-tisħiħ fil-qasam tax-xogħol.  It-tkomplija tal-Covid Wage Supplement, iż-żieda fl-Inwork Benefits, miżuri proposti mill-GWU fid-dokument ta’ qabel il-baġit,  taw riżultat ferm pożittiv biex il-livell tal-qgħad reġistrat frott il-pandemija kien wieħed mill-anqas dawk reġistrati fl-Unjoni Ewropea.   Fl-istess waqt,  il-Gvern kompla nieda riformi ferm importanti fil-qasam tal-Governanza tant illi pajjiżna ser ikun jista’ jkompli jsaħħaħ is-settur finanzjarju tal-pajjiż b’regoli moderni ta’ Governanza li tant huwa importanti biex nassiguraw settur ta’ eċċellenza f’dan ir-rigward. 

Il-GWU qalet li l-baġit ser ikompli jwieżen dawk il-faxex l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà fosthom pensjonanti, persuni b’diżabilità b’żieda fil-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali.  Iż-żgħażagħ qed jiġu megħjuna bit-tkomplija tal-first time buyers ukoll, bit-tkomplija tal-iskemi fejn tidħol il-taxxa tal-bol flimkien mal-għajnuniet li diġà qed jingħataw meta jittieħed self mill-bank.

Il-baġit kien ferm pożittiv ukoll fil-qasam tal-ambjent b’investimenti pproġettati fl-immaniġġjar tal-iskart u l-immaniġġjar tal-plastik.  Il-Gvern mhux biss ma żiedx taxxi imma qed jirnexxilu jassigura riformi kbar biex l-iżvilupp ekonomiku jkun akkumpanjat mat-tisħiħ fl-ambjent li qed ngħixu fih.  Il-GWU hija ferm sodisfatta illi l-Gvern laqa’ l-proposti tagħha biex ikompli jindirizza l-inġustizzji relatati mal-eksħaddiema tax-xatt, il-gas board, l-electricity board, l-overtime tal-pulizija. Issa l-gvern ser jikkumpensa wkoll l-eksħaddiema tat-Tarzna li mardu b’mard relatat mal-asbestos. Barra dan kollu huwa ta’ sodisfazzjon ukoll  li l-proposta taghna dwar il-xoghol remote il-Gvern ser jinċentiva lil min iħaddem biex joffru miżuri li għandhom iwasslu għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. 

Il-GWU wriet sodisfazzjon illi dan il-baġit ser ikompli jniedi d-direzzjoni b’saħħitha fl-ekonomija bl-investimenti neċessarji fl-infrastruttura, fosthom investimenti kbar fil-qasam tat-toroq, l-industrial estates, bini ta’ Skejjel  u l-Housing Estates ġodda fil-pajjiż.  Il-pajjiż irid ikun preparat biex jilqa’ għat-tkabbir ekonomiku li huwa mistenni fis-snin li ġejjin, mhux biss meta d-dinja medika ser issib il-vaċċin kontra l-Covid 19 imma frott ir-riżultat tal-istimulu ekonomiku li l-Gvern nieda f’dawn ix-xhur.  Il-fondi strutturali Ewropej li l-Gvern irnexxielu jinnegozja wkoll ser ikompli jwassal biex t-tkabbir ekonomiku li rajna fil-passat ikompli jiġi sostnut fil-futur.

Temmet tgħid li fuq kollox sodisfatti li l-baġit qiegħed jagħti sigurtà, stabbiltà, serħan il-moħħ u fiduċja.

Share With: