Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija tistenna li l-miżura tal-vouchers terġa’ tkun ta’ benefiċċju

Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija (GBC) innotat b’mod pożittiv l-istimolu ekonomiku pprovdut permezz tal-budget, speċjalment il-miżuri maħsuba biex itejbu l-konsum f’żoni ekonomiċi mmirati, b’mod partikolari: Il-vawċers ta’ € 100 għal persuni ‘l fuq minn 16-il sena. Il-GBC qalet li din kienet miżura li kellha impatt pożittiv fuq l-ekonomija Għawdxija, u l-Kamra tistenna li din il-miżura terġa’ tkun ta’ benefiċċju għall-gżira.

Dwar l-estensjoni ta’ skemi eżistenti fuq xiri u bejgħ ta’ proprjetà, il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija tinnota li dawn l-inizjattivi ħadmu tajjeb, u qed tistenna li jkomplu jipprovdu impetu ekonomiku importanti matul is-sena li ġejja.

Il-GBC tinnota wkoll il-miżuri mmirati lejn il-kontinwità tan-negozju prinċipalment  bħall-eżenzjoni miżjuda tal-limitu tal-VAT għal operaturi żgħar, minn €20,000 għal €30,000; l-estensjoni tal-Covid Wage Supplement sa Marzu 2021, għalkemm tgħid li f’dan il-każ wieħed irid jevalwa kif dan se jiġi implimentat fil-prattika.

Il-GBC tinnota wkoll l-impenn tal-Gvern f’termini ta’ trasport u konnettività, prinċipalment: l-impenn imġedded tal-Gvern dwar il-bini tal-mina bejn Għawdex u Malta, ir-raba’ vapur fuq bażi permanenti, u l-implimentazzjoni tas-servizz tal-fast ferry.

Il-Kamra tinnota wkoll b’mod pożittiv l-enfasi fuq id-Diġitalizzazzjoni, u l-Ekonomija Ekoloġika. Il-GBC tistenna li Għawdex jistħoqqlu attenzjoni speċjali speċjalment fejn tidħol id-diġitalizzazzjoni.

Share With: