Il-Kap tal-Oppożizzjoni jżur lill-frontliners

“Huwa ta’ dispjaċir għalija li fil-baġit li għadu kif tressaq Robert Abela nesa kompletament lill-frontliners li kienu u għadhom quddiem nett fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19.”, Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal dan waqt żjara li għamel lill-frontliners quddiem id-Dipartiment tal-Emerġenza f’Mater Dei.

Grech rringrazzja lill-frontliners għall-ħidma kontinwa tagħhom li ddeskriviha bħala waħda straordinjarja. Huwa qal li rridu nirrikonoxxu din il-ħidma sfiqa li qed issir mit-tobba, l-infermieri, il-professjonisti, l-ħaddiema fis-settur tas-saħħa u l-frontliners kollha li baqa’ fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-virus u b’ħidmithom jagħtu l-appoġġ u s-saħħa liċ-ċittadini kollha tagħna. Dan b’sagrifiċċju kbir, ukoll personali u anke’ ġieli ‘l bogħod mill-familji tagħhom. Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jqis lill-frontliners kollha bħala l-eroj tagħna f’din il-ġlieda kontra l-virus.

Bernard Grech spjega li din il-laqgħa hija parti mill-ħidma li l-Partit Nazzjonalista qed iwettaq permezz tat-Tim t’Azzjoni, li hu nieda u li qed imexxi, fil-ħidma kontra l-pandemija. 

Matul din iż-żjara f’Mater Dei, l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri.

Share With: