Il-komunità Niġerjana f’pajjiżna tikkundanna l-brutalità tal-Pulizija fin-Niġerja

“End SARS, End Police Brutality, End Bad Governance.” Dawn kienu wħud mill-messaġġi li grupp ta’ Niġerjani għaddew waqt protesta paċifika quddiem il-Parlament b’rabta mal-protesti vjolenti kontra l-Pulizija li qed jikkaratterizzaw lil diversi bliet f’art twelidhom.

Il-vjolenza użata mill-Pulizija u mill-forzi tal-ordni fil-konfront tad-dimostranti fin-Niġerja qanqlet il-kundanna tal-komunità internazzjonali, b’mod speċjali wara li fil-jiem li għaddew Amnesty International qalet li l-forzi tas-sigurtà qatlu għexieren ta’ dimostranti li niżlu fit-toroq jipprotestaw kontra l-brutalità tal-pulizija.

Xhieda u l-midja lokali qalu li l-biċċa l-kbira tal-isparaturi seħħew fiż-żona ta’ Lekki fil-belt.

Dawn l-aħħar tlet ġimgħat kienu kkaratterizzati minn protesti f’diversi bliet fil-pajjiż kont l-Iskwadra Speċjali ta’ Kontra s-Serq (SARS), taqsima tal-pulizija li l-gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem qalu li taħti għal diversi abbużi, fosthom vjolenza u torturi fil-konfront ta’ persuni ċivili.

Il-Gvern Niġerjan, mindu bdew il-protesti, xolja din it-taqsima madankollu l-protesti komplew.

Il-moviment ta’ protesta, magħruf bħala #endSARS, attira l-attenzjoni tal-komunità internazzjoni, b’bosta politiċi – fosthom l-eks-Segretarja għall-Istat Amerikan Hillary Clinton – jappellaw lill-awtoritajiet Niġerjani biex iwaqqfu l-azzjonijiet tagħhom kontra d-dimostranti.

Matul dawn l-aħħar jiem kienu rapportati wkoll diversi każi ta’ serq u nirien madwar il-pajjiż.

Bil-għan li tiġi kkontrollata s-sitwazzjoni l-awtoritajiet anke daħħlu fis-seħħ curfew indefinit f’diversi bliet, inkluż f’Lagos.

Share With: