AĠĠORNT: Il-Kummissjoni Venezja tilqa’ r-riformi mwettqin dwar is-saltna tad-dritt

Tgħid li pass importanti fid-direzzjoni t-tajba; Il-Ministru Edward Zammit Lewis jgħid li l-Gvern kellu kuraġġ li jwettaq riformi li ma twettqux fi 30 sena

Il-Kummissjoni Venezja laqgħet il-fatt li l-Gvern Malti implimenta l-proposti li għaddietlu dwar ir-riforma fil-liġijiet u iddeskrivithom bħala “pass importanti fid-direzzjoni t-tajba”.

Hija irrimarkat dan fl-opinjoni finali tagħha dwar il-mod kif il-Gvern Malti qed jimplimenta liġijiet li jsaħħu l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.

Il-Kummissjoni Venezja hija l-kummissjoni li tagħti pariri lill-Kunsill tal-Ewropa fuq kwistjonijiet ta’ natura legali fil-pajjiżi Ewropej u ħadet l-isem tagħha mill-fatt li tiltaqa’ fil-belt Taljana li ġġib l-istess isem.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza Edward Zammit Lewis irreaġixxa għal din l-opinjoni billi sostna li l-Gvern kellu l-kuraġġ li bil-fatti jwettaq riformi li ebda gvern ieħor ma wettaq fl-aħħar 30 sena.

“Kommess li nkompli nuża l-opinjoni tal-Kummissjoni Venezja bħala bażi soda, li fuqha nkompli nibni l-ħidma tal-Gvern, f’riformi bla preċedent biex bi kburija f’isem Malta jkompli jissaħħaħ”.

Il-Ministru Zammit Lewis żied jikkummenta li dan hu gvern li tabilħaqq jemmen b’konvinzjoni fis-saltna tad-dritt u fil-governanza t-tajba.

Mill-10 proposti ewlenin il-Gvern Malti diġà implimenta sitta għalkemm dan il-fatt kien innutat bi ftit tad-dispjaċir mill-Kummissjoni Venezja għax qalet li l-fatt li għaddew mill-Parlament daqshekk malajr qatgħu ħesrem il-konsultazzjoni pubblika.

Kien għalhekk li issuġġeriet li l-erba’ liġijiet li għad iridu jiġu approvati mill-Parlament għandhom kunu diskussi aktar mas-soċjetà ċivili.

Dwar is-sitt liġijiet li ġew approvati diġà hija issuġġeriet li jsiru disa’ emendi bl-ewwel waħda fil-lista tkun li l-ismijiet tat-tliet kandidati jkunu magħrufin meta l-Kumitat għall-Ħatra tal-Ġudikanti jgħaddihom lill-President tar-Repubblika.

It-tieni propost hija li l-ministru responsabbli mill-ġustizzja ma jkun jista’ jitlob lill-imsemmi kumitat għal pariri fuq il-ħatra tal-ġudikanti.

It-tielet proposta hija li l-President ikun jista’ jingħata parir fuq il-ħatra tal-ġudianti mill-iktar imħallef anzjan wara l-Prim Imħallef jekk dan ma jagħtihx il-parir jew inkella mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

Fir-raba’ proposta Malta qed tintalab li jiddaħħal ‘anti-deadlock mechanism’ fuq il-Prim Imħallef u fuq il-ħatra tal-President tar-Repubblika.

Il-ħames emenda proposta tgħid li l-President, l-Avukat Ġenerali, l-Avukat tal-Istat u l-Ombudsman għandu jkollhom id-dritt li jappellaw quddiem il-Qorti Kostituzzjonali meta jinstab li wettqu xi aġir li mhux xieraq qabel jittieħed vot fil-Parlament.

Is-sitt proposta tissuġġerixxi li l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni u l-Ombudsman mhux biss għandhom jitħallew imma obbligati li jirreferu lill-Avukat Ġenerali dwar dubji fuq każijiet ta’ korruzzjoni.

Is-seba’ proposta tirreferi għall-appell kontra deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali u l-Pulizija u tgħid li dan għandu jseħħ jekk dawn jirrifjutaw jew ma jipprosekwixxux fi żmien raġjonevoli deċiż mll-Qorti.

Fit-tmien proposta l-Kummissjoni Venezja issuġġeriet li l-Ombudsman, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u l-Awditur Ġenerali għandu jkollhom il-fakultà li jappellaw jekk ma jitressqux każijiet ta’ korruzzjoni rappurtati lill-Avukat Ġenerali.

Id-disa’ u l-aħħħar emenda suġġerita tgħid li d-dritt tal-Ombudsman dwar informazzjoni għandu jiġi mgħolli fuq livell kostituzzjonali.

Dwar l-erba’ abbozzi ta’ liġijiet li għad iridu jgħaddu mill-Parlament hija tgħid li l-Awditur Ġenerali għandu mhux biss jingħata s-saħħa imma jiġi obbligat jirrapporta dubji dwar korruzzjoni lill-Avukat Ġenerali.

It-tieni suġġeriment jaħseb biex il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku tkun tista’ tfittex parir mis-segretarji permanent, inkluż is-Segretarju Permanenti Ewlieni, fuq il-ħatra ta’ segretarji permanenti oħra.

It-tielet parir jgħid li l-Prim Ministru għandu jkun marbut iktar milli jikkunsidra parir mill-Kabinett dwar il-ħatra fil-Kummissjoni tal-Impjiegi u dan għandu japplika wkoll għall-Kummissjoni Elettorali, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u l-Awtorità tax-Xandir.

Ir-raba’ u l-aħħar suġġeriment fl-opinjoni jgħid li n-numru ta’ persuni ta’ fiduċja jew f’pożizzjonijit ta’ fiduċja għandu jkun stabbilit fil-liġi iktar milli f’idejn il-gvern tal-ġurnata.

Il-Kummissjoni Venezja fakkret ukoll lill-Gvern fis-suġġerimenti li għadhom ma ġewx adottati fosthom il-ħtieġa li jittrasferixxi l-prosekuzzjoni kollha, anke ta’ każijiet żgħar, lill-Avukat Ġenerali; li l-Parlament ineħħi partijiet minn liġijiet li jinstabu li mhux skont il-Kostituzzjoni fi żmien mhux twil; li l-membri parlamentari jkunu ipprovduti b’riċerka u pariri legali waqt li l-‘backbenchers’ tal-Gvern ikunu inqqs dipendenti fuq impjiegi pubbliċi.

Lejn tmiem l-opinjoni tagħha hija tgħid li qed tilqa’ l-fatt i l-Gvern huwa lest li jipproponi emendi għal abbozzi ta’ liġijiet li għadhom ma ġewx adottati waqt li dwar dawk li diġà ġew approvati ħeġġitu jemendahom kif issuġġeritlu bla dewmien ta’ żmien.

Share With: