Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija jniedi il-programm ġdid ta’ fondi “Research Excellence Programme”

B’konformità malIstrateġija Nazzjonali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2020”, il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija nieda programm ġdid ta’ fondi msejjaħ “Research Excellence Programme”.

L-għan ewlieni ta’ dan il-programm huwa li jixpruna t-tkabbir ta’ għarfien ġdid li jinkiseb permezz ta’ evidenza sperimentali wara li tkun saret ipoteżi xjentifika. Dan il-programm inħoloq speċifikament sabiex entitajiet pubbliċi u privati ​​Maltin jissodisfaw il-bżonn li jikkonċentraw fuq riċerka kunċettwali inizjali. Il-programm, li huwa maħsub biex jiffinanzja proġetti li għadhom fl-istadju bikri tar-riċerka, se joffri livell innovattiv eċċellenti u huwa mistenni li se jkollu rilevanza nazzjonali u internazzjonali.

Il-programm għandu diversi għanijiet, fosthom li joħloq sistema ta’ riċerka u innovazjoni Maltija aktar kompluta, filwaqt li jiżviluppa l-ħiliet f’oqsma multi-dixxiplinarji ġodda fis-settur tar-riċerka. Ir-Research Excellence Programme se jiffinanzja r-riċerka inizjali sabiex din eventwalment tissarraf fi prodotti jew servizzi li mhux biss ikollhom impatt sinifikanti fuq l-industrija, imma li jwasslu wkoll għal tkabbir ekonomiku.

Dan il-programm mistenni jiġġenera l-għarfien u jibni fuq l-kapaċitajiet lokali għall- oqsma futuri, kif ukoll jikkontribwixxi għal strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u żvilupp ta’ strateġija. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, programm ta’ dan it-tip se jservi wkoll biex isaħħaħ il-kollaborazzjonijiet eżistenti.

L-applikanti huma eliġibbli għal għotja massima ta’ € 50,000, liema somma trid tintuża fi żmien sena. Din l-għotja għandha tintuża biex tiffinanzja: l-impjieg ta’ riċeraturi, xiri jew kiri ta’ strumenti speċjalizzati li jintużaw għar-riċerka partikolari, oġġetti konsumabbli, fornituri tas-servizz, vjaġġar, informazzjoni xjentifika, infiq ieħor ta’ riċerka rilevanti u spejjeż indiretti b’rata ta’ 10 % tal-ispejjeż eliġibbli.

L-entitajiet pubbliċi se jkunu ffinanzjati b’rata ta’ 100 % tal-ispejjeż eliġibbli filwaqt li l-entitajiet privati se jiġu ffinanzjati b’rata ta’ 90 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dott Jeffrey Pullicino Orlando, stqarr li: “Dawn l-għotjiet għar-riċerka fi stadju bikri ser jippermettu t-tqegħid ta’ pedament b’saħħtu li jwassal għal żvilupp ta’ proġetti akbar. Permezz tas-sapport ipprovdut mill-Programm FUSION aħna diġà qegħdin nappoġġjaw lill-innovaturi Maltin sabiex jaslu għall-potenzjal sħiħ tagħhom. Issa, bis-saħħ ta’ dan il-programm ġdid, nistgħu nipprovduhom bl-opportunità li jilħqu miri ogħla fl-isforzi siewja tagħhom.

L-Onorevoli Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali, żied jgħid li: “Sal-lum, aħna kkommettejna madwar €10 miljun f’finanzjament, iżda dan huwa biss il-bidu tal-vjaġġ twil tagħna. Bħala gvern, aħna determinati li nsaħħu l-impenn tagħna f’dak li għandu x’jaqsam mar-Riċerka u l-Innovazzjoni u bi ħsiebna nkomplu nħeġġu u nappoġġjaw dan il-qasam permezz tal-politika pubblika. Qed nimmiraw li nbiddlu lil Malta f’soċjetà globali ewlenija tal-għarfien u f’wieħed mill-aktar pajjiżi innovattivi fil-Mediterran.”

Għal aktar informazzjoni dwar din l-opportunità għall-finanzjament, il-kriterji tal-eliġibbiltà, ir-regoli għall-parteċipazzjoni u l-formola tal-applikazzjoni, ibgħat email lill-indirizz rep.mcst@gov.mt jew żur il-ħolqa: https://mcst.gov.mt/mcst-news/research-excellence-programme-2020-call/

Is-sejħa għall-applikazzjonijiet hija miftuħa sat-18 ta’ Novembru 2020.

Share With: