Il-MAM twissi li s-servizzi tas-saħħa viċin li ma jifilħux għaż-żieda tal-infezzjonijiet

Il-MAM wissiet lill-awtoritajiet ikkonċernati li hemm bżonn li jittieħdu aktar miżuri restrittivi b’mod urġenti biex jiġi żgurat li s-servizzi tas-saħħa jifilħu għaż-żieda ta’ infezzjonijiet tal-Covid-19.

L-assoċjazzjoni talbet lill-awtoritajiet jagħtu widen lill-pariri tal-esperti fil-qasam tas-saħħa hekk kif l-medja ta’ każi ġodda rreġistrati f’ġimgħa issa telgħet għal 125. Semmiet ukoll 16-il pazjent li jinsabu fl-ITU u aktar minn 80 pazjenti ieħor fi swali tal-isptar. Skont l-assoċjazzjoni dawn in-numri daqstant għoljin mistennija jwasslu għal żieda fll-imwiet u pazjenti li jirrikjedu l-kura fl-ITU. Il-MAM qed tbassar li bejn 3-5 pazjenti bil-Covid-19 se jiddaħħlu kuljum l-ITU, b’biża’ li s-servizzi tas-saħħa ma jibdewx ilaħħqu mad-domanda għall-kura.

Barra minn hekk, qalet li ż-żieda fil-każijiet ser jistaġna l-operazzjonijiet hekk kif l-istaff mediku jintbagħat jgħin lill-pazjenti tal-Covid-19. Rigward l-iswab tests, il-MAM ilmentat li dawk li għandhom bżonn it-test b’mod urġenti qed ikollhom jistennew  ġurnata, b’każi oħrajn li jkollhom jistennew bejn ħames jew sitt ijiem biex jagħmlu t-test.

Il-MAM għamlet referenza wkoll għax-xena li dehret f’San Ġiljan, b’numru ta’ persuni “qaqoċċa” minkejja twissijiet dwar l-importanza taż-żamma tad-distanza soċjali. Qalet li xi persuni qed jonqsu milli jħarsu l-liġijiet u li dan huwa riżultat ta’ nuqqas ta’ sikkatura mill-forzi tal-ordni.

Share With: