Il-Ministru Farrugia Portelli bi żjara fil-kumpless ta’ Baystreet

Il-lukanda Hyatt Regency Malta tiftaħ il-bibien tagħha… B’investiment ta’ €45 miljun bħalissa hi l-ewwel 5 Star Hotel Superior liċenzjata f’Malta

ll-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli żaret il-kumpless ta’ Baystreet bħala parti minn konsultazzjoni wiesa’ li qed issir mill-Gvern Malti mal-industrija, bi  preparazzjoni għall-Bagit 2021. 

Iż-żjara bdiet mill-Hyatt Regency Malta, lukanda bi brand internazzjonali li matul dawn l-aħħar xhur għamlet investiment ta’ madwar €45 miljun biex minn għada tista’ uffiċjalment tiftaħ il-bibien  tagħha. Dan wara li ngħatat il-liċenzja biex topera mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Ta’ min  jinnota l-fatt li meta l-awtorità kienet qed tagħmel l-ispezzjonijiet tagħha, il-Hyatt Regency issuperat  mhux bi ftit il-livell meħtieġ biex topera bħala lukanda ta’ ħames stilel, u għaldaqstant ingħatat  ċertifikat biex tibda topera fi klassi għola, preċiżament bħala lukanda ta’ ħames stilel superjuri. Dan  iċ-ċertifikat ġie ppreżentat mill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli lit-tmexxija tal lukanda. 

Il-lukanda Hyatt Regency Malta, li għandha madwar 150 kamra, impjegat diġà aktar minn 100  ħaddiem. Il-Hyatt International Group għandha mijiet ta’ lukandi rinomati madwar id-dinja u din il lukanda hija l-aktar lukanda ġdida tagħhom u qed tingħata importanza kbira fuq livell internazzjonali. Il-Ministru Julia Farrugia Portelli faħħret dan l-investiment fejn dawn iż-żewġ lukandi fost oħrajn,  dawru l-isfida tal-COVID f’opportunità biex itejbu l-prodott li joffru u togħla l-kwalità, li tant dan il gvern qed jinvesti fuqha fi strateġija għal turiżmu sostenibbli. Żiedet tgħid kif dan l-investiment ta’ €45 miljun jagħti fiduċja lill-industrija tat-turiżmu u l-ekonomija Maltija u rrimarkat ukoll kif sa issa  dan l-investiment ħoloq aktar minn 100 impjieg barra numru ta’ xogħlijiet oħra li ġew eżegwiti minn  kuntratturi lokali u l-ħaddiema tagħhom. 

Albert Galea Kap Eżekuttiv tal-Baystreet Group esprima s-sodisfazzjon tiegħu f’isem it-tmexxija ta’  Baystreet Group, u stqarr li jinsab onorat li l-grupp ingħata rikonoxximent ta’ klassifikazzjoni  superjuri fuq żewġ lukandi tal-grupp mill-Ministru għat-Turiżmu, b’waħda minnhom dik tal-Hyatt  Regency Malta, issir preżentament l-ewwel 5 Star Superior f’Malta. Żied jgħid li l-brand Hyatt  m’għandha bżonn l-ebda introduzzjoni u li minn għada stess jinsabu ottimisti, hekk kif il-lukanda se  tiftaħ uffiċjalment il-bibien tagħha. 

Il-ministru żaret ukoll il-be.Hotel li hija parti mill-kumpless ta’ Baystreet li llum ukoll ġiet promossa  minn lukanda ta’ 4 stilel għal lukanda ta’ 4 stilel superjuri. Dan jirrifletti l-investiment multi-miljunarju li għamlet kemm il-lukanda kif ukoll il-kumpless ta’ Baystreet waqt il-perjodu ta’ COVID 19. It-tmexxija tal-grupp Baystreet irrimarkat il-fatt li matul il-ftuħ mill-ġdid tal-lukanda mindu  tnaqqsu r-restrizzjonijiet sa issa, kellhom okkupanza medja ta’ madwar 68%. Il-ministru kienet  akkumpanjata waqt din iż-żjara minn rappreżentanti tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-kumitat  tal-Paceville Town Centre Management. 

Share With: