Il-Ministru Ian Borg jgħid li jrid isolvi l-problema ta’ grawnd tal-futbol għar-Rabtin u tal-Imtarfa

“Irrid insolvi l-problema li għandna fil-qasam sportiv f’dak li għandu x’jaqsam mal-fatt li r-Rabat m’għandhiex grawnd tal-futbol u l-Imtarfa se tispiċċa orfni mingħajr grawnd tal-futbol. Irrid insolviha. Inwiegħed lit-tfal li jmorru fin-nurseries tal-Imtarfa u r-Rabat, il-klabbs tal-futbol li din jeħtieġ tiġi indirizzata u se nkun qiegħed inkellimkom fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin.” 

Hekk sostna l-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg waqt li kien qed jindirizza lill-Parlament fis-seduta li matulha ġew diskussi l-estimi dwar il-Ministeru tiegħu.

Il-Ministru Borg beda d-diskors tiegħu billi nnota kif fil-budget għas-sena d-dieħla, l-Oppożizzjoni ma sabitx x’tikkritika f’setturi bħalma huma dawk tat-trasport u l-infrastruttura. 

Huwa tkellem dwar ix-xogħol li għaddej fuq il-proġett tal-Marsa Junction li flimkien miegħu qed isiru wkoll il-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija. Dwar is-Central Link, huwa qal li dan il-proġett qiegħed jiġi mfaħħar anke minn nies li kienu jikkritikawh. 

Il-Ministru Borg għamel referenza wkoll għall-proġett ta’ riġenerazzjoni u tkabbir tal-Park Nazzjonali, fejn se jkun qed jiġi rduppjat l-ispazju f’Ta’ Qali u se jiġu mħawla mat-80,000 siġra ġdida.

Huwa stqarr li fil-budget 2021 hemm diversi miżuri relatati mat-trasport fosthom l-għoti ta’ grants ta’ €7,000 għal min jixtri vetturi nodfa, se jkun hemm inċentiv għal min juża l-vettura fil-weekends biss u li t-tal-linja card b’xejn se tiġi estiża għal dawk li għandhom ‘il fuq minn 70 sena. 

Dwar il-fast ferry service, il-Ministru Borg qal li l-Gvern jinsab kommess li dan isir. Fl-istess waqt sostna li jinsab kburi li tlestew ir-rapporti dwar is-sistema tat-trasport tal-massa u issa rridu ngħaddu għall-fażi li jmiss, il-vijabbiltà tagħha. 

Huwa qal ukoll li: “irrid inkun il-Ministru li nara li l-inġustizzja li saret man-nies tal-Kottonera li erġajna tfajna l-faċilitajiet ta’ oil tanking cleaning ġewwa rikażli, maġenb il-Fortizza lejliet elezzjoni ġenerali tal-2013, għal 25 sena, tiġi eliminata darba għal dejjem.”

Huwa temm jirringrazzja lill-entitajiet kollha li jaħdmu fi ħdan il-Ministeru tax-xogħol siewi tagħhom.

Share With: