“Il-pandemija qed toħloq tħassib, inkwiet u ansjetà” – Il-President Vella

Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-President intqal li kif kien mistenni, u kif sfortunatament qiegħed jiġri madwar id-dinja, speċjalment fl-Ewropa, il-pandemija tal-COVID-19 reġgħet refgħet rasha, u qiegħda ddur fostna, bin-numri ta’ nies milquta dejjem jiżdiedu.

Is-sitwazzjoni bħalissa ġewwa pajjiżna hija inkwetanti.  Din qiegħda toħloq tħassib, inkwiet, u ansjetà fis-setturi kollha tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-President George Vella segwa l-andament ta’ din l-imxija mill-bidu nett tagħha, u qed iżomm ruħu aġġornat fuq l-impatt li din il-pandemija qiegħed ikollha fuq is-saħħa fiżika, dik mentali, u fuq l-aspetti soċjali u ekonomiċi tal-ħajja taċ-ċittadin.

Il-President iħoss li sitwazzjoni bħal din għandha twassalna biex ilkoll niġbdu ħabel wieħed, u noffru kooperazzjoni sħiħa fuq il-livelli kollha.

Il-President huwa konxju tas-sagrifiċċji li qegħdin isiru kemm mill-poplu inġenerali biex josserva u jwettaq id-direttivi mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa, minn dawk kollha mgħobbija bir-responsabbiltà li jħarsu s-saħħa pubblika, kif ukoll dawk li mistennija jduru bil-pazjenti milquta minn din il-marda. Huwa japprezza ferm ix-xogħol kontinwu tal-carers fid-djar tal-anzjani tagħna, u ta’ dawk li x-xogħol tagħhom iġibhom wiċċ imb’wiċċ mar-riskju li jieħdu l-virus, bħall-għalliema u l-edukaturi.

Settur li jinkwieta ħafna lill-President huwa dak tan-nies vulnerabbli, fosthom l-anzjani, li mill-bidu tal-pandemija raw ħajjithom tinqaleb ta’ taħt fuq. Il-President Vella jinnota bi pjaċir it-tibdil li ġie permess dan l-aħħar mill-awtoritajiet tas-saħħa, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kif il-qraba u l-ħbieb jagħtu l-aħħar tislima lil dawk l-għeżież tagħhom li jkunu tilfu ħajjithom minħabba l-COVID-19. 

F’ dan ir-rigward huwa jsellem lil dawk kollha li mietu kawża ta’ din il-marda. Il-President jesprimi wkoll solidarjetà mal-qraba tagħhom għall-mod li bih kellhom jitbiegħdu mill-għeżież tagħhom meta l-aktar li xtaqu jkunu qrib tagħhom biex ikunu ta’ wens u kuraġġ.

Għaldaqstant, il-President Vella jixtieq li l-poplu jġedded id-determinazzjoni tiegħu biex jiġġieled din it-theddida billi jżomm f’moħħu li mhux tant fil-bogħod, hemm ċans kbir li jaslilna vaċċin li jkun effettiv, u li jgħinna biex ngħelbu din il-pandemija minn ġo nofsna.

Il-President George Vella awgura li l-awtoritajiet f’pajjiżna jirnexxilhom isibu dak il-bilanċ delikat li filwaqt li jħares saħħet il-poplu, fl-istess ħin jassigura wkoll it-tiġdid ekonomiku ta’ pajjiżna.

Share With: