Il-pandemija tal-Covid-19 terġa’ terfa’ rasha fl-Italja; L-ewwel darba b’aktar minn 5,000 każ ġdid minn Marzu li għadda

L-Italja rreġistrat 5,372 każ ġdid ta’ Covid-19 matul dawn l-aħħar 24 siegħa. Dan kien ikkonfermat mill-Ministeru għas-Saħħa Taljan. Din hija l-ewwel darba li l-każi ġodda f’24 siegħa qabżu l-5,000 każ sa minn Marzu li għadda.

Matul l-istess perjodu kienu rreġistrati wkoll 28 mewt relatata mal-Covid-19. Dan b’paragun mat-22 mewt li kienu rapportati l-jum preċedenti. Madankollu r-rata tal-imwiet xorta waħda għadha ferm aktar baxxa mir-rata ta’ mwiet li kienet reġistrata matul l-eqqel tal-pandemija fix-xhur ta’ Marzu u April.

L-Italja kien l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li ntlaqat mill-pandemija u għandu t-tieni l-ogħla rata ta’ mwiet fil-kontinent b’36,111 imwiet mindu faqqgħet il-pandemija fi Frar li għadda.

Il-Gvern irnexxilu jikkontrolla l-ewwel mewġa tal-pandemija b’miżuri stretti ta’ lockdown, madankollu l-każi ġodda ilhom jiżdiedu għal dawn l-aħħar tliet xhur, u matul din l-aħħar ġimgħa saħansitra rduppjaw.

Ilbieraħ kien ukoll l-ewwel darba li l-pajjiż irreġistra aktar minn 4,000 każ ġdid f’24 siegħa mit-12 ta’ April li għadda.

L-aħħar darba li l-Italja rreġistra aktar minn 5,000 każ ġdid f’jum wieħed kien fid-29 ta’ Marzu. Dakinhar kienu mietu 756 persuna.

Share With: