Il-PM Abela jinsisti li Malta se żżomm il-pożizzjoni tagħha dwar l-immigrazzjoni sakemm ikun hemm patt Ewropew

Malta mhix se tkun qed tbiddel il-pożizzjoni tagħha dwar is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni, sakemm l-Unjoni Ewropea ma taqbilx dwar patt għall-migrazzjoni. Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela fis-seduta ta’ dalgħodu tal-Parlament.

“Jekk ma nadottawx dan l-approċċ l-istati membri Ewropej mhumiex se jisimgħuna,” huwa qal fi tmiem l-intervent tiegħu waqt dibattitu dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa riċenti tal-Kunsill Ewropew.

Il-Gvern qed jinsisti li Malta ma tistax taċċetta aktar immigranti irregolari.

Il-patt Ewropew dwar l-immigrazzjoni qed jimmira li jintlaħaq ftehim fuq kwistjonijiet meqjusin bħala sensittivi, fosthom l-integrazzjoni u l-inklużjoni ta’ immigranti, il-futur taż-żona Schengen, u azzjoni kontra t-traffikar ta’ immigranti, fost oħrajn.

Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru Abela tenna li Malta kienet qed tikseb suċċess fir-rigward tal-kwistjoni tal-immigrazzjoni, bil-wasliet tal-immigranti jibqgħu baxxi meta mqabbel mas-snin preċedenti. Fl-istess waqt Abela wissa li jkun żball jekk l-Unjoni Ewropea tittratta ma’ pajjiżi Afrikani esklussivament dwar l-immigrazzjoni u talab biex jiġi adottat approċċ aktar ħolistiku.

Share With: