Il-Prim Imħallef jgħid li d-dewmien fil-kawżi l-ikbar sfida

Jitlob għal żieda fil-ġudikanti u jwissi dwar in-nuqqas ta’ avukati li jaħdmu fil-Qorti

Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti identifika d-dewmien fil-proċeduri bħala l-ikbar sfida li qed jiffaċċjaw il-Qrati ta’ Malta u sejjaħ għal żieda fin-numru ta’ ġudikanti.

Huwa irrimarka dan fil-messaġġ li ta fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġann wara l-quddiesa konċelebbrata mill-Arċisqof Charles Scicluna fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-Sena Forensi.

Is-soltu d-diskors tiegħu u tal-President tal-Kamra tal-Avukati kien isir fil-bini tal-Qorti fil-preżenza tal-President tar-Repubblika, il-ministru responsabbli mill-ġustizzja, ġudikanti u avukati imma minħabba l-pandemija din ma saritx.

Il-Prim Imħallef irrimarka li huwa ilu biss ftit xhur fil-kariga u f’dawn iċ-ċirkostanzi mhux se jkun prużuntuż u jippretendi li jgħaddi xi ġudizzju studjat fuq il-preġji u difetti tas-sistema ġudizzjarja preżenti jew il-bżonnijiet u n-nuqqasijiet li hemm fis-sistema. 

“Nista’ ngħid biss li f’dawn ix-xhur sibt lil sħabi ġudikanti lesti li jkomplu jaħdmu b’ħiliethom kollha u dan minkejja d-diffikultajiet li jsibu; sibt amministrazzjoni tal-qrati li tagħti iktar minn dak mistenni bl-għodda għad-dispożizzjoni tagħha u Kamra tal-Avukati li dejjem lesta tgħin biex il-magna ġudizzjarja ma tistallax”.

Kien hawn li semma kif l-ikbar sfida għall-Qrati fil-preżent hi d-dewmien fil-proċeduri quddiem il-qrati kollha ta’ kull kompetenza u irrimarka li mingħajr dubju jeħtieġ li l-ġudikant jirrispetta d-dinjità ta’ kull min jidher quddiemu ħalli b’hekk huwa jikseb ir-rispett lura.

“Bl-aġir tiegħu ġenwin u korrett il-ġudikant irid ikollu dixxiplina kbira miegħu nnifsu. Irid ikun preparat kemm akkademikament iżda jrid ikun ukoll prattiku jadopera ‘case management serrat’, irid ikun ħafif u pront biex jisma’ u jiddeċiedi l-kawżi fl-iqsar żmien possibbli bla ma jaqa’ però fin-nassa tal-għaġġla li biex ilaħħaq man-numri huwa ma jwettaqx il-ġustizzja vera”.

Waqt li irrikonoxxa li huwa b’dan il-mod li l-ġudikatura tista’ tikseb ir-rispett u d-dinjità li jistħoqqilha għas-sagrifiċċju personali u familjari li tagħmel,  il-Prim Imħallef għamilha ċara li dan l-isforz min-naħa tal-ġudikatura mhux biżżejjed. 

Huwa spjega kif fil-ftit xhur li ilu f’din il-kariga ħareġ ċar li hemm bżonn l-intervent leġiżlattiv f’żieda ta’ ġudikanti mhux biss minħabba l-volum tal-kawżi imma anke minħabba l-ispeċjalizzazzjoni dejjem tikber fil-qasam ta’ ċerti kawżi. 

“L-intervent leġiżlattiv huwa meħtieġ ukoll f’liġijiet. Hemm bżonn ta’ emendi ta’ liġijiet, kultant żgħar, li jgħinu għal aktar ħeffa u tneħħija ta’ burokrazija proċedurali żejda. Jeħtieġ ukoll li l-ġudikanti u l-amministrazzjoni jkollhom aktar għajnuna fit-teknoloġija tal-informatika u support staff mgħallem u adattat jaħdem f’ċirkostanzi ta’ pressjoni kważi kontinwa”. 

Dr Chetcuti sostna li huwa iduċjuż li bi sforz id-dewmien żejjed u bla raġuni valida jingħeleb mhux f’ħakka ta’ għajn iżda b’riżultati li minn sena għall-oħra jixhdu dan l-għan ambizzjuż iżda realistiku waqt li żied kif bil-perseveranza u rieda tajba ta’ kull parti konnessa mal-amministrazzjoni tal-ġustizzja dan it-tragward jista’ jintlaħaq.

Huwa irrefera wkoll għall-kors tal-liġi fejn issuġġerixxa lill-Gvern u lill-Università ta’ Malta biex jikkunsidraw li jirrevedu l-kors tal-liġi biex dan joħloq kors aktar speċjalizzat għal min jixtieq ikun avukat li jaħdem fil-Qorti. 

“Jidher li għalkemm qed jilħqu ħafna avukati kull sena, huma ftit biss dawk l-avukati li fl-aħħar mill-aħħar jagħżlu li jipprattikaw assidwament fil-Qrati. Diġà hemm problema llum li fil-qrati tagħna hemm ftit avukati li jaħdmu fil-qorti u jekk din il-problema ma tiġix indirizzata, fil-futur jista’ jkollna sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm għażla ta’ avukati li jkunu lesti jaħdmu l-Qorti u wisq anqas għażla biex avukati li jipprattikaw kontinwament fil-Qorti jsiru ġudikanti jew prosekuturi”. 

Il-Prim Imħallef ilmenta wkoll li fil-qasam kriminali u kummerċjali hemm nuqqas kbir ta’ persuni esperti li għandhom il-ħiliet neċessarji biex jgħinu lill-ġudikatura f’dawn l-oqsma partikolari jew li jagħżlu li jipprattikaw il-professjoni speċjalizzata tagħhom fil-qasam purament ġudizzjarju.

Fi tmiem id-diskors tiegħu Dr Chetcuti wiegħed li huwa u l-ġudikanti se jagħmlu ħilithom kollha biex jaqdu d-doveri tagħhom mhux bil-kelma biss iżda bl-eżempju f’xogħlhom, fis-servizz u fil-qadi ta’ dmirijiet bla ebda distinzjoni jew eċċezzjoni.

Share With: