Il-Pulizija twassal kebab wara li arrestat lix-xufier li kien qed iqassam l-ikel fuq allegat sewqan taħt l-effett ta’ droga

Klijent li kien ordna kebab kien sorpriż meta din spiċċat twasslet lilu minn uffiċjal tal-Pulizija.

L-uffiċjali arrestaw lix-xufier li kien qed iqassam l-ikel fuq allegat sewqan taħt l-effett tad-droga f’Woodley f’Berkshire. Huwa ġie mwaqqaf bil-vettura li kien qiegħed iqassam l-ikel u saritlu tfittxija fuq suspett ta’ sewqan mingħajr liċenzja jew polza tal-assikurazzjoni.

Wara li arrestaw lir-raġel, wieħed mill-uffiċjali sab l-indirizz ta’ fejn kellu jitwassal l-ikel u ħadu hu personalment.

Fi stqarrija maħruġa minnha l-Pulizija qalet li r-raġel deher suspettuż u li meta twaqqaf u ntalab dettalji huwa bħal donnu weħel u għaddielhom dettalji foloz.

Il-vettura li kien qiegħed isuq ġiet ukoll konfiskata minħabba li wieħed mit-tyres kien fi stat ta’ periklu.

Share With: