Il-WHO: “Il-mediċina remdisivir bi ftit jew l-ebda effett fuq il-kura mill-Covid-19”

Il-mediċina remdisivir għandha ftit jew l-ebda effett fuq iċ-ċansijiet li pazjenti jfiqu mill-Covid-19. Dan jirriżulta minn studju ppubblikat mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa.

L-istudju tal-WHO evalwa erba’ mediċini potenzjali għall-Covid-19, fosthom ir-remdesivir u l-hydroxychloroquine.

Il-mediċina remdisivir kienet fost l-ewwel li ntużat biex jiġi mfejjaq il-virus u riċentement anke ngħatat lill-President Amerikan Donald Trump wara li ddaħħal għall-kura l-isptar.

Intant il-manifattur tal-mediċina, Gilead, ċaħad l-istudju tal-WHO, u fi stqarrija qal li r-riżultati ta’ dan l-istudju huma inkonsistenti.

Fl-istudju tagħha l-WHO għamlet testijiet ta’ erba’ mediċini potenzjali għall-Covid-19 – remdisivir, hydroxychloroquine, lopinavir u ritonavir. Il-mediċini intużaw fuq 11,266 pazjent f’500 sptar, f’aktar minn 30 pajjiż differenti.

Ir-riżultati jissuġġerixxu li l-ebda minn dawn it-trattamenti ma kellu effett sostanzjali fuq il-mortalità tal-pazjent jew kemm il-pazjent dam jieħu l-kura fl-isptar.

Il-kap xjentist tal-WHO, Soumya Swaminathan, nhar l-Erbgħa li għadda qal li t-testijiet fuq il-hydroxychloroquine u l-lopinavir u r-ritonavir twaqqfu f’Ġunju li għadda minħabba li kienu ineffettivi fit-trattament għall-Covid-19.

Ir-riżultat tal-istudju tal-WHO jidher li jikkontradixxi studju preċedenti li ġie ppubblikat aktar kmieni dan ix-xahar, u li twettaq minn Gilead, li jikkonkludi li l-użu tar-remdisivir inaqqas il-perjodu ta’ kura għall-pazjenti b’ħamest ijiem meta mqabbel ma’ pazjenti li ngħataw placebo. F’dan l-istudju kienu ħadu sehem madwar 1,000 pazjent.

Share With: