Imut il-leġġendarju Lolly Borg

Il-komunitá tal-football Malti tilfet player leġġendarju ieħor hekk kif Lolly Borg ħalla din id-dinja matul il-lejl li għadda fl-għomor ta’ 88 sena. Borg kien membru tat-team nazzjonali Malti li lagħab fl-ewwel logħba uffiċjali lura għas-sena 1957. 

Hu twieled fit-23 ta’ Ottubru 1931 u kien player regolari mat-tim nazzjonali Malti. Huwa kien jifforma parti mill-ewwel logħba internazzjonali li ntlagħbet fl-24 ta’ Frar, 1957 fl-Empire Stadium, fit-telfa ta’ 3-2 kontra l-Awstrija.

Borg lagħab tmien darbiet mat-team nazzjonali Malti u skorja goal  li rriżulta f’wieħed rebbieħ fil-logħba ta’ ħbiberija kontra t-Tuneżija li ntlagħbet fit-8 ta’ Diċembru 1969 fl-Empire Stadium.

Lolly Borg huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-aqwa plejers li qatt ipproduċa l-football Malti u kien jilgħab ma’ Floriana Ajax qabel ma t-team proprja kien tah iċ-ċans jilgħab fl-ewwel team fl-1947 meta kellu 16-il sena.

Sadanittant ma’ Floriana lagħab 20 staġun fejn deher 220 darba u skorja xejn inqas minn 105 goals. Hu rebaħ seba’ darbiet il-kampjonat u kien membru tat-tim li rebaħ it-Treble fl-istaġuni 1949/50, 1952/53 u 1956/57. Borg rebaħ ukoll il-plejer tas-sena tal-MFA fl-istaġun 1961-62.

Lolly Borg għamel żmien jikkowċja fejn mexxa lil Floriana, Rabat Ajax u Senglea Athletic.

Fir-ritratt ta’ fuq Lolly Borg jidher quddiem fuq ix-xellug nett

Dan is-sit jixtieq iwassl il-kondoljanzi tagħna lill-familjari, qraba u ħbieb ta’ Lolly Borg f’dan il-mument.

Share With: