“In-numri kbar imma ppreparati għalihom” – Il-Ministru tas-Saħħa dwar iż-żieda fil-każi tal-Covid-19

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ddikjara li għalkemm in-numri huma kbar fir-rigward tal-każijiet tal-Covid19 pajjiżna jinsab ippreparat.

F’intervent fuq stazzjon lokali huwa kien mistoqsi dwar il-fatt li l-każijiet żdiedu b’Fearne jsemmi kif dan qed iseħħ fil-pajjiżi kollha għalkemm saħaq li kuntrarju għal ftit xhur ilu issa hawn iktar tagħrif dwar il-virus.

Huwa semma kif fil-preżent l-Isptar Mater Dei għadnu seba’ ITUs b’erbgħa minnhom speċifikament għall-każijiet tal-Covid19 għalkemm wieħed biss s’issa qed jintuża u t-tlieta l-oħra għalkemm magħluqin lesti biex jintużaw.

Fearne irrefera għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex fejn semma kif ukoll żdiedu s-sodod u mis-sebgħa li kien hemm issa hemm 27 disponibbli f’każ li l-każijiet gravi f’din il-gżira jiżdiedu.

Dwar rapporti li l-operazzjonijiet tħassru huwa semma kif minn 18-il sala tal-operazzjoni twaqqfu erbgħa biex l-infermieri jkunu jistgħu jagħtu kura lill-pazjenti milquta mill-pandemija.

Il-Ministru għas-Saħħa għamilha ċara li l-operazzjonijiet urġenti għadhom għaddejjin u li ġew posposti “bi ftit ġimgħat” kienu dawk li m’humiex urġenti.

Fi tmiem l-intervent tiegħu d-Depuat Prim Ministru reġa’ tenna li s-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll u appella lill-pubbliku biex jimxi mal-miżuri għax iktar ma nżommu n-numru baxx iktar jistgħu jingħataw servizzi.

Share With: