“Inwegħidkom li għada se jkun aħjar. L-għaqda bdiet diġà” – Il-Kap tal-PN

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista l-ġdid Bernard Grech qal li kif wiegħed, l-ewwel prijorità tiegħu hija li jaħdem ma’ kulħadd biex iġib l-għaqda fil-Partit għaliex, fi kliemu stess, m’hemmx żmien x’jintilef. Huwa qal li ma jridx partit rassenjat li se jitlef, iżda partit li jemmen li jista’ jirbaħ. Huwa qal li Partit Nazzjonalista b’saħħtu se jkun tarka b’saħħitha u se jkun fuq quddiem nett biex jara li s-saltna tad-dritt tiġi mħarsa, “għalhekk irid ikun partit magħqud, partit imġedded.” 

Huwa appella lil kulħadd biex, “nidħlu flimkien għal din l-isfida biex nassiguraw li Malta u Għawdex ħafna aħjar,” filwaqt li sostna, “inwegħidkom minn issa li għada se jkun aħjar. L-għaqda bdiet diġà.”

Hekk qal fid-diskors tiegħu l-Ħadd filgħdou bħala Kap tal-PN filwaqt li qal li se jinsistu li tintrefa responsabiltà politika dwar l-imxija fid-djar tal-anzjani li “waslet biex issa aħna l-iktar pajjiż bl-imwiet meta mqabbel mad-daqs tal-popolazzjoni. Se nesiġi li min għandu jerfa’ r-responsabiltà politika għandu jerfaha.”

Fid-diskors tiegħu huwa rringrazzja lil Adrian Delia għall-ħidma tiegħu fil-partit u fil-pajjiż tul dawn it-tliet snin u qal li jemmen sinċerament li għandu kontribut x’jagħti jekk iridu jilħqu l-mira li l-PN jerġa’ jkun rebbieħ.  “Ilbieraħ intemmet ġirja bejn il-ħbieb. Minn issa tibda tellieqa vera kontra avversarju ppreparat u b’saħħtu. Jien qiegħed hawn biex nofri tama ġdida u fuq hekk irridu nitkellmu llum. Ma rridx partit rassenjat li se jitlef, irrid partit li jemmen li jista’ jirbaħ u dan għaliex il-pn hu tassew l-aħjar għażla,” qal Grech.

Huwa żied jgħid, “Għandna gvern li għalih jgħaddi kollox, imma dan għalija mhux aċċettabbli. Dan kollu jinponi fuq il-PN l-urġenza li jfittex li jqum fuq saqajh biex jissaħħaħ.”

Dwar il-baġit, huwa qal li anke mill-Oppożizzjoni jista’ jkollhom viżjoni għall-pajjiż u stieden lill-gvern biex jisma’ minn dak li se jkunu qed jipproponu huma, “jekk ma jridx jitlef id-direzzjoni u verament idaħħalna fil-ħajt.”

Huwa qal ukoll li bħala Oppożizzjoni se jkunu attenti għal dak kollu li qed jagħmel il-gvern. “Dan il-pajjiż irid jerġa’ jikseb ir-reputazzjoni li teliftulu għax Malta u Għawdex, jiena u int, uliedna ħaqqhom aħjar minn hekk.”

Grech qal li l-esperjenza tal-gvern tal-Labour fil-gvern f’dawn l-aħħar seba’ snin, “uritna kif ftit politici bla skupri u korrotti għamlu ħsara kbira u kapaċi jagħmlu ħsara kbira lill-pajjiżna. Minn pajjiż stmat u veru fost l-aqwa fl-ewropa ġabuna pajjiż f’ħalq kulħadd u mhux fdat, b’konsegwenzi serji fuq is-sistema ekonomiku u finanzjarju ta’ pajjiżna. Il-PN se jkompli jiġġieled il-korruzzjoni.”

Share With: