Ir-raġel akkużat bil-qtil ta’ Chantelle Chetcuti jingħata l-ħelsien mill-arrest

Raġel akkużat bil-qtil tal-eks-sieħba tiegħu barra bar f’Ħaż-Żabbar fi Frar li għadda ngħata l-ħelsien mill-arrest, disa’ xhur wara li seħħ l-omiċidju.

Justin Borg, mixli bil-qtil brutali ta’ Chantelle Chetcuti, ingħata l-bail wara li l-persuni ċivili kollha taw ix-xhieda tagħhom.

L-akkużat kien wieġeb mhux ħati għall-akkużi li qatel intenzjonalment lil Chetcuti, omm ta’ żewġt itfal li kellha 34 sena. Fil-mument meta seħħ ir-reat Chetcuti kienet qed tilgħab billiards flimkien ma’ ħabib tagħha fis-St Patrick’s Club, meta Borg mar fuq il-post u talabha biex toħroġ barra biex ikellimha.

Minuti wara persuna daħlet tiġri fil-bar fejn beda jgħajjat għall-għajnuna. Chetcuti nstabet barra l-bar b’sikkina f’rasha.

Aktar tard dakinhar filgħaxija Borg mar il-kwartieri tal-Pulizija, bil-ħwejjeġ tiegħu b’marki ta’ demm, b’ferita f’idejh, u fi stat ta’ xokk.

Huwa tressaq il-Qorti taħt arrest fejn kien mixli b’omiċidju intenzjonali u kif ukoll b’pussess tad-droga kokaina.

Sejħiet mid-Difiża għal ħelsien mill-arrest, inkluż waħda li saret ix-xahar li għadda, ma ntlaqgħux mill-Qorti minħabba li persuni ċivili riedu jagħtu x-xhieda tagħhom.

F’digriet li tat illum il-Qorti preseduta mill-Mapistrat Rachel Montebello osservat li x-xhieda kollha kienu taw ix-xhieda tagħhom. Intant aktar minn disa’ xhur kienu għaddew mindu seħħ ir-reat.

Il-Qorti osservat ukoll li r-riskji hekk kif previsti mil-liġi b’rabta mal-għoti tal-ħelsien mill-arrest ma kinux għadhom preżenti u ma kien hemm l-ebda xhieda li l-akkużat, li għadu meqjus bħala innoċenti, ma kienx se jobdi l-kundizzjonijiet imposti mil-liġi.

Għaldaqstant il-Qorti kkonkludiet li l-akkużat kien jissodisfa r-rekwiżiti hekk kif mitlubin mil-liġi u għaldaqstant laqgħet it-talba għal ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €25,000, u garanzija personali ta’ €20,000 u l-iffirmar fl-Għassa.

Borg irid jimxi wkoll ma’ curfew bejn it-8.00 p.m. u l-5.00 a.m.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kurt Zahra, filwaqt li l-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb dehru għal Borg.L-Avukati Lara Dimitrijevic u Stephanie Caruana qed jidhru bħala parte civile.

Share With: