“Ir-rikonoxximent fil-Baġit iktar importanti mill-kumpens mogħti”

Jgħid dan is-Segretarju tat-Taqsima GWU Metall u Kostruzzjoni Jesmond Marshall fuq il-proposta indirizzata lill-eks ħaddiema tat-Tarzna vittmi tal-Asbestosis

“Minkejja l-għeluq tagħha fl-2003, u l-għeluq tal-Malta Shipyards għaxar snin ilu, l-Asbestosis għadha sal-lum il-ġurnata toqtol lill-eks ħaddiema tat-Tarzna. Il-kumpens li se jingħata mill-Gvern huwa wieħed importanti, però ugwalment jekk mhux iktar importanti, huwa l-fatt li l-Gvern qiegħed jirrikonoxxi b’mod ugwali l-bżonn li din il-marda tiġi indirizzata.”

Saħaq dan is-Segretarju tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni fi ħdan il-GWU, Jesmond Marshall, b’reazzjoni għall-proposti tal-baġit imnedija mill-Gvern nhar it-Tnejn li għadda, fejn fost l-oħrajn ġie mwiegħed l-għoti ta’ kumpens mhux iddeterminat, lill-eks ħaddiema tat-tarzna kollha li sfaw vittmi tal-marda tal-Asbestosis.

“Il-fatt li bejn 300 u 400 ħaddiema sejjer jingħata kumpens dirett mill-Gvern hija verament ħaġa ta’ sodisfazzjon għalina. Aħna bħala General Workers’ Union, ilna naħdmu qatigħ fuq din il-proposta għal diversi snin, u ninsabu sodisfatti ħafna li wasalna sa dan il-pass.”

Intant, fuq il-miżuri l-oħra msemmija fil-Baġit, Marshall saħaq li s-settur tal-metall u tal-kostruzzjoni “kien wieħed li ntlaqat mill-inqas mill-kriżi ekonomika li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19. L-unika eċċezzjoni ta’ dan kienet ovjament dik tal-manifattura, però anke hawnhekk, qegħdin naraw numru ta’ fabbriki li qegħdin jirpiljaw u jieħdu r-ruħ b’ritmu mgħaġġel.

“L-għajnuna finanzjarja li ngħatat mill-Gvern wara l-ftehim fi ħdan l-MCESD kienet kruċjali ħafna biex ma jintilfux l-impjiegi. Dan il-baġit kien wieħed pożittiv ħafna li kompla ta l-kontribut tiegħu minn dan l-aspett, speċjalment issa li qegħdin naraw ir-ritmu sostanzjali kif ħaddiema li kienu mkeċċija ftit xhur ilu, qegħdin jiġu mitluba jidħlu lura x-xogħol. Għadna ma wasalniex, però bil-mod is-sitwazzjoni qiegħda terġa’ tmur għan-normali.”

Marshall saħaq li huwa kien jinsab ottimist għall-futur tal-industrija tal-metall u tal-kostruzzjoni f’pajjiżna: “Vera li kien hemm il-mard, però l-għodda u t-tagħmir li kienu użati qabel, u li kienu tant instrumentali għas-suċċess li kellu pajjiżna u l-ħaddiema Maltin u Għawdxin baqgħu relattivament sħaħ.”

“Hija biss kwistjoni ta’ kemm il-kumpaniji, lesti li jżommu l-ħaddiema tagħhom fi ħdan il-kumpanija, ħalli jsibuhom lesti xħin din il-kriżi tgħaddi.”

Share With: