“Is-sess huwa lingwa li biha tikkomunika dinamiċi u emozzjonijiet differenti”

It-terapista Matthew Bartolo f’intervista li tagħti bidu għal sensiela ta’ artikli mmirati għall-edukazzjoni sesswali

Minn Carmen Cachia

It-tendenzi sesswali f’Malta, bħall-bqija tad-dinja, jinbidlu skont il-pornografija, fejn insibu orjentazzjonijiet sesswali differenti li minn dejjem kienu hemm, kif ukoll xewqat u fantażiji partikolari fosthom li persuna tiġi ddominata jew li tiddomina, is-sess fil-pubbliku jew inkella li persuna jkollha x’taqsam ma’ aktar minn persuna waħda fl-istess ħin. F’intervista mas-sesswologu, Matthew Bartolo, Inewsmalta jagħti bidu għal esplorazzjoni tal-att sesswali fi żminijietna f’sensiela ta’ artikli edukattivi u ta’ interess, li tmiss diversi temi fosthom il-fażijiet tal-iżvilupp, id-differenza bejn is-sessi, it-tqala, l-STIs (Sexually Transmitted Infections), il-Kamasutra u mard psikoloġiku relatat mas-sess.

Matthew Bartolo huwa terapista tas-sess li ta’ kull xahar ikollu 100 sessjoni ma’ persuni li jirrikorru għall-għajnuna għandu. Ix-xogħol tiegħu ma jinkludix biss sessjonijiet ta’ terapija, iżda jkollu diversi laqgħat fosthom mal-mentors tiegħu għal taħriġ u feedback, training fi skejjel, universitajiet u professjonisti oħra dwar is-suġġett u jattendi lectures biex iżomm ruħu aġġornat dwar l-aħħar żviluppi fil-qasam tiegħu.

Huwa jgħidilna kif is-sess jista’ jkun il-fiżjoloġija tal-persuna, l-att sesswali u parti integra mis-sesswalità tagħna. L-att sesswali jfisser ħafna affarijiet differenti għal nies differenti u f’mumenti varji. Fl-istess relazzjoni, is-sess jista’ jkun att ta’ maħfra, turija ta’ attrazzjoni, logħba jew abbuż ta’ poter. Għalih personali, is-sess huwa lingwa li tista’ tikkomunika dinamiċi u emozzjonijiet differenti. 

“Il-Malti jaħbih aħjar…”

Il-Malti huwa poplu b’moħħu miftuħ u dak kollu li ssib f’pajjiżi oħra, issibu hawn ukoll. Biss, Bartolo jgħid li l-Malti jaħbih aħjar u dan għax kultant jemmen li dak li jkun iħoss li mhux se jkun mifhum jew li s-suġġett tant ikun ilu mistur li l-affarijiet normali u naturali għad hawn min jaħseb li huma strambi u li jħosshom huwa biss. 

“Kultant ikun hemm min jiġi l-klinika biex jiċċara ċertu affarijiet li ma jkunx ċert humiex normali jew le. Meta persuna ma tkunx sabet lok fejn titkellem b’mod apert u matur dwar is-sess u s-sesswalità, dak li jkun ikun tgħallem dak li jaf minn pornografija jew immaġinazzjoni. Għalhekk iħossu waħdu u konfuż,” spjega Bartolo.

Mistoqsi liema huma l-aktar tliet diffikultajiet jew problemi li għandhom il-klijenti tiegħu, Bartolo qal li hemm dik tal-ħajja li ngħixu; il-mod kif iħarsu lejn is-sess bħala prestazzjoni; u n-nuqqas ta’ aptit għas-sess kemm fin-nisa, kif ukoll fl-irġiel. 

“Huma ħafna dawk li ħajjithom hija minn xogħol għall-ieħor u ma jkollhomx ħin jew enerġija għas-sieħeb jew is-sieħba tagħhom. Din ir-realtà mbagħad taffettwa mhux biss l-intimità sesswali, iżda anke dik emozzjonali,” qal dan is-sesswologu. Huma ħafna dawk li jispiċċaw iridu jsegwu relazzjoni li qabdet rotta ħażina minħabba li ma apprezzawx il-ħin flimkien u ma qattgħux dan l-istess ħin jinvestu fir-relazzjoni.

Bartolo spjega li koppji jew individwi, minflok jiffokaw fuq il-mument li jqattgħu flimkien, jiffokaw fuq l-orgażmu u l-aspett atletiku tiegħu. “Dan ħafna drabi jiġri għax ikunu qegħdin iqabblu dak li jkunu qegħdin jagħmlu ma’ dak li semgħu minn sħabhom, esperjenzi li kellhom qabel jew pornografija,” kompla t-terapista. Din l-ansjetà, imbagħad taffettwa l-erezjoni, l-eġakulazzjoni u anke l-abbiltà li jagħmlu s-sess.

It-tielet problema li qiegħed jara ta’ spiss hija dik ta’ nuqqas ta’ aptit fejn adulti għadhom żgħar fl-età, diġà jħossu li l-aptit sesswali f’ħajjithom naqas. “Kultant nistaqsi jekk hux minħabba li ħafna huma dawk li jħossuhom li m’humiex biżżejjed. Meta jħossuhom hekk, imbagħad jintefgħu b’ruħhom u ġisimhom fix-xogħol għax hemm iħossu li qegħdin ikunu produttivi,” kompla Bartolo. 

Huwa qal li mix-xogħol dawn il-persuni ikunu jistgħu jaqilgħu aktar flus u għalhekk jistgħu jixtru affarijiet bħal ta’, jew aħjar, minn ta’ sħabhom. Barra minnhekk, żied jgħid,  li kultant l-istess ħsieb inaqqas il-kunfidenza ta’ dak li jkun u għalhekk ma jħossux komdu li jkollu x’jaqsam.

Dan is-sesswologu jisħaq li f’Malta n-nies huma maturi biżżejjed għal dan it-tip ta’ servizz u li dan huwa servizz li jrid jadatta għan-nies. Huwa qal li bħal f’kull ħaġa oħra, se jkun hawn min jemmen f’dak li jagħmlu bħala terapisti u min ma jemminx. Li se jkun hemm min imur bi ħġaru u min għax kellu bżonn ta’ naqra skossjatura minn ta’ madwaru, jew minħabba s-sitwazzjoni li qiegħed fiha. 

“Jien meta nħares lejn dawn l-aħħar 10 snin, kemm ili li ġejt lura mill-Ingilterra, inħoss li bħala poplu qegħdin nitkellmu iktar b’mod apert u miftugħ dwar is-suġġett tas-sesswalità. Kemm meta nkun fuq xi programm televiżiv u anke issa li ftaħna profil fuq “TikTok”, dejjem ikun hemm interess li dak li jkun jitgħallem,” temm dan it-terapista tas-sess.

Min huwa Matthew Bartolo?

Matthew Bartolo sar sesswologu b’kumbinazzjoni. Waqt li kien qiegħed jagħmel kors ta’ PGCE l-Università ta’ Malta u kors fil-counselling ma’ skola f’Londra, l-għalliema ta’ Londra qalulu li l-mod kif jitkellem dwar is-sesswalità huwa vera kalm u informattiv. Kien għalhekk li ssuġġerewlu jagħmel Masters ieħor, din id-darba f’”Sex and Relationship Therapy”.  Huwa lanqas biss kien jaf li tista’ ssir terapista tas-sess.

Batulu xi links għall-aqwa kors fl-Ingilterra li jsir fi klinika tas-sess primarja f’Sheffield fejn wara l-interview, intagħżel biex jibda l-kors. Għalhekk spiċċa l-korsijiet li kien qiegħed jagħmel Malta u Londra biex mar jgħix Sheffield, fejn beda jitħarreġ ma’ sesswologi u urologi kbar fl-industrija.  Fl-erba’ snin li qatta’ jagħmel dan il-kors, Matthew għadda minn esperjenzi li komplew ikabbruh bħala persuna.  

Dak li għadda minnu fil-ħajja personali tiegħu, flimkien mat-taħriġ intensiv li kellu minn dawn il-professjonisti, għinuh biex ikun ta’ servizz aħjar għall-klijenti tiegħu.  Il-fatt li għandhu warrant ta’ edukatur tal-PSCD, ta’ counsellor, kif ukoll ta’ psikoterapista, dawn jgħinuh jifhem li biex tagħti servizz ħolistiku lill-klijent trid tkun tagħmel parti minn tim ta’ kollegi li speċjalizzaw f’oqsma differenti.  

Malli Bartolo ġie lura Malta beda jgħaqqad tim ta’ professjonisti. Huwa jagħmel parti mit-tim ta’ Willingness li fi ħdanu hemm is-Sex Clinic Malta. F’din il-klinika ngħaqdu professjonisti minn oqsma differenti li jinkludu fiżjoterapista, ġinekologa, edukaturi tas-sesswalità, terapisti tal-familja, counsellors, tabiba speċjalizzata fil-mard trasmess sesswalment u Matthew, terapista tas-sess.

F’ħajtu dan is-sesswologu għamel diversi xogħlijiet fosthom li jgħallem l-Ingliż, stilista tax-xagħar, barman, jorganizza l-parties u anke drug counsellor, però jammetti li dan huwa x-xogħol li l-aktar li jagħtih pjaċir u sodisfazzjon.  

Tibki ma’ koppja u tiċċelebra ma’ oħra…

“Il-fatt li nies jiġu u jafdawni bil-mistoqsijiet tagħhom, bil-problemi u sigrieti tagħhom, għalija dan huwa privileġġ li qatt ma nieħdu forgranted,” spjegalna Bartolo. Ix-xogħol tiegħu, emozzjonalment jista’ jgħejjik u għalhekk kull tant żmien jistrieħ billi jsiefer u jissoċjalizza ħafna ma’ sħabu u s-sieħba tiegħu. Dan is-sesswologu jħobb iżomm ruħu attiv fiżikament billi jilgħab it-tennis.  

“Fix-xogħol tagħna s-saħħa mentali hija l-għodda li nużaw. Għalhekk, apparti li nieħdu ħsieb tagħna nfusna għall-aħjar tagħna, nagħmlu dan ukoll biex inkunu ta’ servizz aħjar għan-nies li jfittxu l-għajnuna professjonali tagħna,” kompla Matthew.  

Kull meta koppja tgħaddi minn korriment huwa jħoss dieqa kbira, jew meta jisma’ l-karba ta’ dawk li ma jkunux jistgħu jinqabdu tqal. Fl-istess ħin imbagħad, vera jifraħ meta koppja jirnexxiela tinqabad tqila. “Tiltaqa’ ma’ sitwazzjonijiet intensi. Sitwazzjonijiet li ftit jesperjenzaw b’dik l-intensità u f’qasir żmien. Jaf qiegħed tibki ma’ koppja li reġgħu korrew għat-tieni darba u warajhom tiċċelebra ma’ koppja li għadhom kif indunaw li qegħdin jistennew tarbija,” żied it-terapista.

Huwa qalilna kif fil-linja tax-xogħol tiegħu, filli taħdem ma’ koppja li mhux iqattgħu ħin flimkien minħabba t-tfal u x-xogħol u filli taħdem ma’ koppja li tant iqattgħu ħin flimkien li jibdew jiddejqu minn xulxin. Oħrajn li ħallew ħafna żmien jgħaddi biex fittxew l-għajnuna u għalhekk r-relazzjoni tkun laħqet batiet ħafna.  

Dan is-sesswologu jiltaqa’ wkoll ma’ koppji li vera jaħdmu biex ir-relazzjoni sesswali jtejbuha fejn żied jgħid li dejjem jammira koppji li lesti jkunu vulnerabbli ma’ xulxin u jammettu fejn żbaljaw ħalli t-tnejn jiġbdu ħabel wieħed biex ir-relazzjoni u l-ħajja tagħhom flimkien tibqa’ miexja ‘l quddiem.  

“Dan ix-xogħol għallimni ħafna dwar dak li jgħaddu n-nies minnu b’mod mistur. Fosthom hemm dawk in-nies li jkollhom tendenzi pedofiliċi u tarahom jitqabdu mal-emozzjonijiet u x-xewqat tagħhom biex ma jagħmlux ħsara lil ħaddieħor waqt li huma jgħixu ħajja kuntenta u normali kemm jista’ jkun. Tiskanta, is-salib li jkun qiegħed iġorr ta’ ma’ ġenbek, inti, lanqas biss ikollok idea.” 

Fix-xogħol tiegħu Bartolo tgħallem kif kull persuna għandha s-salib jew d-domna tagħha u għalhekk japprezza aktar dik it-tbissima li nistgħu nagħtu lil xulxin. Huwa jemmen li d-dinja li ngħixu fiha u aħna bħala soċjetà, tkun ħafna aħjar kieku ngħinu lil xulxin minflok nkompli nagħksu lil xulxin.  

Share With: