Isofri ġrieħi gravi wara li jaqa’ sular f’sit ta’ kostruzzjoni

Raġel mill-Bangladesh ta’ 41 sena residenti l-Pietà sofra ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident f’sit ta’ kostruzzjoni f’Ħal Qormi. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.45 p.m. fi Triq il-Kunċizzjoni.

Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li r-raġel waqa’ għoli ta’ madwar sular waqt li kien qed jagħmel xi xogħol fis-sit imsemmi.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna lir-raġel li ttieħed b’ambulanza l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.

Share With: