It-tieni jum tal-Middle Sea Race

Fit-tieni jum tal-Middle Sea Race, grupp żgħir ta’ dgħajjes irnexxielhom jgħaddu mill-Istrett ta’ Messina eżatt qabel bidla fid-direzzjoni tal-kurrent dominanti.

Meta wieħed iħares lejn l-istampa ġenerali, il-ħames multihulls għaddew minn ħdejn il-Vulkan Stromboli bejn l-4.00 am u t-8.00 am. Mana u l-Multi 70 Maserati kienu fuq qud­diem. Madwar dan l-istess perjodu l-monohulls li kienu fuq quddiem kienu ħerġin mill-Istrett ta’ Messina. Fis-5.45 am, il jott I Love Poland kien l-ewwel li ħareġ mill-medda dejqa li taqsam Sqallija mill-Italja. Wild Joe, E1 u Aragon ħarġu  45 minuta wara. Il-bqija tal-flotta kienu viċin max-xatt kontinentali jfittxu kontra kurrent pożittiv u xi riħ disponibbli biex jgħinhom jgħaddu mill-kanal ta’ 20 mil nawtiku.

Kif kien qed jersaq il-lejl tat-tieni jum, is-sitwazzjoni ġenerali qed tara lil Mana u Maserati jinsabu fi sfida ma’ xulxin  fit-tramuntana ta’ Palermo, f’nofs triq bejn Capo Gallo u l-gżira ta’ Ustica. Għad fadlilhom madwar 50 mil nawtiku qabel ma jkunu viċin ta’ Trapani u il-Gżejjer Egadi. Xi 30 mil nawtiku  warajhom, Ultim Emotion, Shockwave u Primonial jinsabu jissieltu bejniethom. Skond it-tbassir, għad hemm riħ mill-majjistral li qed jimla l-Istrett ta’ Sqallija. Iżda dan mhux prevvist li jdum.

Għall-monohulls ewlenin, taħlita ta’ jottijiet IRC Klassi 1 u Klassi 2, jinsabu fit-tieni parti ewlenija tat-tellieqa. I Love Poland dar madwar il-vulkan ta’ Stromboli u l-gżira ta’ Strombolicchio fin-12.30 pm.

Is-Swan 50 Balthasar kien l-aħħar li dar s’issa, tliet sigħat u nofs wara.  Teasing Machine huwa tliet minuti warajhom fuq il-ħin ikkoreġut, bi Freccia Rossa fit-tielet post, tliet minuti oħra lura. Dan il-grupp issa qed jiffaċċja probabbiltà ta’ lejl twil u diffiċli.

Mill-jottijiet iż-żgħar, l-ekwipaġġ Franċiż ta’ Tonnerre de Glen ta’ Dominique Tian se jkun sodisfatt li daħal mill-Istrett wara l-jottijiet akbar. Huwa segwit mill-JP54 Scuderia 65 Hagar V u l-V65 Sisi, li daru ma’ Stromboli fl-4.30 pm.

L-ewwel jott Malti bħalissa huwa Artie III ta’ Lee Satariano, li jinsab eżatt quddiem Elusive 2 misjuqa mill-aħwa Podesta. Izda mhux dejjem kien hekk. Artie III kien ilu jmexxi bil-kumdità hekk kif l-HH42 laħaq l-Etna. Għal xi hin deher li baqa’ wieqaf. Elusive 2 u l-Ben Estates Comanche Raider ta’ Ramon Sant Hill li qed jbaħ­ħru lejn il-lvant tar-rotta diretta lejn Messina kienu kapaċi jagħmlu passi tajbin u kważi għaddew lil Artie.

Share With: