Ix-xogħol fuq iċ-ċentru tas-saħħa tal-Gżira mistenni jitlesta f’Marzu 2021

Mat-72,000 resident se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn ċentru tas-saħħa aktar modern u iżjed aċċessibbli

Miktub Minn MARIA AZZOPARDI, Ritratti: ALAN SALIBA

Id-direzzjoni ta’ dan il-gvern f’dawn l-aħħar snin kienet li filwaqt li jibqa’ jinvesti fl-isptarijiet, jinvesti wkoll fil-qasam tal-kura primarja. Fil-fatt kif wieħed seta’ jara f’dawn l-aħħar xhur, il-Gvern investa fuq it-tisbiħ u rinovar f’numru ta’ bereġ.

Waqt żjara fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Gżira, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-saħħa Chris Fearne qal li dan iċ-ċentru huwa eżempju ħaj fejn jidħol investiment. F’dan iċ-ċentru għadhom għaddejjin ix-xogħlijiet ta’ rinovar fl-infrastruttura u l-pjan huwa li dan il-proġett ikun komplut f’Marzu tas-sena d-dieħla.

Id-Deputat Prim Ministru Fearne qal li s-servizz li kien jingħata f’dan iċ-ċentru dejjem kien tajjeb iżda, apparti mill-fatt li kien hemm bżonn ta’ rinovar tal-binja, kien hemm il-problema ta’ aċċessibiltà. 

Għal din ir-raġuni, b’investiment ta’ €1,200,000 dan iċ-ċentru se jkun mgħammar b’servizzi ġodda, se jkun hemm installazzjoni ta’ lift għal aktar aċċessibiltà, generator f’każ ta’ problemi fil-provvista tal-elettriku u magna tal-xray.

Ladarba dan il-proġett ikun lest, mat-72,000 residenti madwar din iż-żona se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn ċentru tas-saħħa aktar modern u iżjed aċċessibbli. Sakemm jitlesta x-xogħol, numru ta’ servizzi qed jingħataw f’binja viċin ta’ dan iċ-ċentru tas-saħħa kif ukoll fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Floriana. Fearne temm jgħid li dan il-proġett mhux wieħed uniku imma parti minn sensiela ta’ proġetti oħra. Fost il-proġetti hemm dak taċ-ċentru tas-saħħa fir-Rabat Għawdex li wkoło mistenni jitlesta s-sena d-dieħla.

Share With: