Jiċħad li biegħ passaporti foloz

Raġel suspettat b’bejgħ ta’ passaporti foloz u dokumenti ta’ residenza għal vjaġġar minn u lejn Malta baqa’ jinżamm fil-kustodja tal-Pulizija wara li aktar kmieni llum tressaq taħt arrest il-Qorti.

Mohamed Said Ahmed, Somalu ta’ 32 sena, ġie skortat il-Qorti wara li ġie arrestat mill-Pulizija għall-Immigrazzjoni li wettqu tfittxijiet fid-dar tiegħu f’Marsaskala.

Fi stqarrija maħruġa lbieraħ, il-Pulizija qalu li fir-rejd kienu sabu diversi dokumenti falsifikati u kif ukoll oħrajn oriġinali, bis-sejbien tad-dokumenti jwasslu għas-suspett dwar l-involviment tar-raġel fil-bejgħ tad-dokumenti foloz.

L-akkuat wieġeb mhux għall-akkużi miġjubin fil-konfront tiegħu, bil-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech tordna li r-raġel jibqa’ jinżamm fil-kustodja tal-Pulizija.

Share With: