Jiffranka l-ħabs wara li ħareġ mill-vizzju tad-droga u għamel passi kbar ‘il quddiem f’ħajtu

Raġel li rnexxielu joħroġ mill-vizzju tad-droga li kellu, evita sentenza ta’ 10 xhur ħabs wara li l-Qorti tal-Appell ikkunsidrat li huwa kien għamel passi kbar ‘il quddiem f’ħajtu. 

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera nnutat li filwaqt li l-każ tiegħu dwar id-droga kien ilu għaddej għal dawn l-aħħar 10 snin, Noel Buhagiar mhux biss ma wettaqx reat ieħor iżda kien attenda b’suċċess programm ta’ rijabiltazzjoni mid-droga u rnexxielu joħroġ mill-vizzju u jerġa’ jaqbad it-triq it-tajba. 

Waqt li nnutat dan it-titjib, hija biddlet is-sentenza ta’ 10 xhur ħabs f’waħda sospiża u wissietu dwar ir-riperkussjonijiet jekk jerġa’ jagħmel reat ieħor fi żmien sentejn. 

Buhagiar, minn Ħaż-Żabbar, kien instab ħati ta’ traffikar u pussess ta’ eroina wara li l-pulizija kienu arrestawh fuq ix-xhieda ta’ raġel li kien semmieh bħala dak li kien xtara d-droga mingħandu. 

L-arrest kien seħħ f’Jannar tal-2010 meta Buhagiar twaqqaf mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga u minn tfittxija li saret fil-karozza tiegħu huwa nstab fil-pussess ta’ erba’ qratas sustanza kannella li aktar tard irriżultaw li kienu eroina.

Buhagiar kien qal lill-Pulizija li hu u r-raġel l-ieħor li rrappurtah normalment kienu jabbużaw u jaqsmu d-droga flimkien. Madankollu, l-Qorti ma emmnitx din il-verżjoni u tat iktar piż lill-verżjoni tax-xhud l-ieħor li ddeskriva lil Buhagiar bħala l-fornitur tiegħu.

Il-Qorti semgħet kif Buhagiar kien jabbuża sew mid-droga u kien mar il-Caritas f’Novembru 2010 biex jingħata għajnuna sabiex jaqta’ l-vizzju. Il-Caritas kompliet issegwih u tteħdulu wkoll kampjuni tal-urina, anke reċentament, li dawn urew li huwa kien baqa’ ħieles mid-droga.

L-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia assistew lil Buhagiar.

Share With: