Jinfetħu l-mini ġodda taħt ir-rawndebawt ta’ Santa Luċija

Infrastructure Malta fetħet il-mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija u b’hekk ħolqot konnessjoni diretta bejn Vjal Santa Luċija ma’ Triq Tal-Barrani, tul ir-rotta ewlenija lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta.

Dawn il-mini ġodda qegħdin inaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar b’aktar minn 30%, kif ukoll it-tniġġis mill-emissjonijiet minħabba l-konġestjoni li kien ikun hemm f’din ir-roundabout, li fiha kienu jiltaqgħu u jaqsmu kontra xulxin diversi rotot traffikużi, fosthom tliet toroq arterjali u tliet toroq oħrajn li jagħtu għal Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien. Bil-junction ġdida fuq żewġ livelli, l-iżjed rotta li tintuża f’dan is-salib it-toroq, bejn Triq Tal-Barrani u Vjal Santa Luċija (it-Telgħa tal-Addolorata), issa qed tgħaddi minn korsiji separate mill-mini. B’hekk saret ukoll eħfef biex tivvjaġġa b’mod aktar sigur bejn il-konnessjonijiet l-oħrajn tar-roundabout.

Fuq il-mini, il-kuntratturi tal-aġenzija issa qed jerġgħu jibnu r-roundabout b’disinn ġdid li jtejjeb l-aċċess għar-residenti ta’ Sant Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien. Il-proġett tal-mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid tal-mogħdija għall-ġiri (jogging track) li kien hemm fil-viċinanzi, kif ukoll passaġġ ġdid għall-mixi u r-roti li se jgħaqqad Santa Luċija mal-Marsa. Infrastructure Malta qed tinbni mill-ġdid ukoll is-subway ta’ Triq tal-Barrani, b’disinn aktar komdu għaċ-ċiklisti, u b’passaġġi aċċessibbli għal kulħadd.

Ix-xogħlijiet fuq is-sit bdew fis-sajf tal-2019, billi l-kuntratturi tal-proġett qattgħu aktar minn 80,000 tunnellata ta’ blat biex iffurmaw iż-żewġ mini, twal 90 metru ‘l waħda. Imbagħad bnew il-ħitan tal-ġnub tagħhom billi waqqfu 398 panew tal-konkos għoljin. Fl-istess waqt, il-ħaddiema ffurmaw ukoll żewġ rampi ta’ 130 metru li jgħaqqdu Vjal Santa Luċija u Triq Tal-Barrani mal-mini, kif ukoll erba’ tlajja u nżul li se jwasslu għar-roundabout ġdida fuq l-istess mini.

Aktar kmieni dan ix-xahar, Infrastructure Malta lestiet il-bini tal-istruttura tas-saqaf tal-mini b’tunnellati ta’ konkos mifruxin fuq pjattaforma ta’ 176 planka tal-predall imwieżna fuq 46 travu tal-konkos. Infrastructure Malta fetħet il-mini għall-użu mill-pubbliku nhar il-Ġimgħa (23 t’Ottubru 2020), malli tlestew l-istrutturi ewlenin tall-mini u t-toroq li jwasslu għalihom. L-aġenzija se tkompli l-aħħar xogħlijiet fil-mini fix-xhur li ġejjin, f’ħinijiet li jkunu tal-inqas inkonvenjent għall-pubbliku matul il-jum, jew billejl.

Bħala parti minn dan il-proġett, il-kuntratturi bnew ukoll mina li tista’ tgħaddi minnha bil-mixi (walk-through culvert) twila 1.1 kilometru minn Triq Tal-Barrani lejn Vjal Santa Luċija biex tingħaqad ma’ mini simili li qegħdin isiru taħt il-flyovers tal-Marsa Junction Project. Minn ġo dawn il-mini qed jgħaddu l-cables ta’ vultaġġ għoli ta’ waħda mill-konnessjonijiet ewlenin tax-xibka tad-distribuzzjoni tal-elettriku tal-pajjiż.

Infrastructure Malta bidlet ukoll medda ta’ pajpijiet għad-distribuzzjoni tal-ilma, li kien hemm taħt l-art fl-istess żona. Barra minn hekk, qed tpoġġi wkoll diversi kilometri ta’ pajpijiet għas-servizzi tal-Internet, sistemi elettroniċi għal-immaniġġjar tat-traffiku u servizzi oħrajn ta’ telekomunikazzjoni. Il-proġett jinkludi wkoll ġibjuni ġodda u 2.7 kilometri ta’ katusi għall-ġbir tal-ilma tax-xita għat-tisqija taż-żoni ġodda mħaddra b’siġar u pjanti.

Il-passaġġ ġdid għall-mixi u r-roti ta’ madwar kilometru ta’ dan il-proġett jifforma parti minn rotta ferm itwal u sigura li se jkun hemm għar-roti f’din iż-żona, u li se tgħaqqad Ħal Luqa, Santa Luċija, Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, il-Marsa u Ħal Qormi. L-ewwel parti minn din ir-rotta fiż-żewġ direzzjonijiet saret fl-2019 bħala parti mill-proġett tal-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Luqa, biswit Ġnien is-Serenità f’Santa Luċija. Bil-proġett tal-mini f’Santa Luċija, Infrastructure Malta issa estendiet din ir-rotta tul il-karreġġjata tat-tramuntana fi Vjal Santa Luċija sal-Marsa, fejn qed tibni korsiji oħrajn għar-roti maqtugħin mit-triq u mina (underpass) għall-mixi u r-roti bħala parti mill-Marsa Junction Project.

Il-proġett tal-bini tal-mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija jagħmel parti mill-investiment fit-tul  fir-rotta prinċipali bejn in-naħa t’isfel u ċ-ċentru ta’ Malta, li testendi minn Pembroke u San Ġiljan sa Birżebbuġa. Dan il-pjan jinkludi titjib f’toroq arterjali oħrajn tul din ir-rotta, bħalma huwa l-bini mill-ġdid ta’ Triq Diċembru 13 u l-Marsa-Ħamrun Bypass fl-2018, il-bini mill-ġdid ta’ parti minn Triq Reġjonali, il-Pont tal-Wied tal-Imsida u Triq Ħal Luqa fl-2019, il-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Qormi u Triq San Tumas aktar kmieni din is-sena, kif ukoll is-seba’ flyovers tal-Marsa Junction Project. Dan in-netwerk ta’ toroq arterjali se jkompli jissaħħaħ bi proġetti oħrajn maħsuba għaż-żmien li ġej, fosthom il-mini ġodda tal-Pembroke-St. Julian’s Connections Project, Msida Creek Project, il-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP) fil-Gudja, u Luqa Junction Project.

Il-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija huwa parzjalment finanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea.

Share With: