Jinżammu fil-kustodja tal-Pulizija wara li jitressqu l-Qorti akkużati b’serq lil anzjana

Żewġt irġiel baqgħu jinżammu fil-kustodja tal-Pulizija wara li ġew mixlijin b’serq ta’ flus kontanti fost oħrajn lil anzjana ta’ 84 sena.

L-inċident imur lura għal nhar l-Erbgħa li għadda meta għall-ħabta ta’ bejn in-12.30 p.m. u s-1.00 p.m. bl-akkużati, Fabian Sciriha ta’ 35 sena mill-Mosta, u Annise Bejaoui ta’ 31 sena minn Ħad-Dingli, allegatament jisirqu oġġetti u flus kontanti lill-anzjana, liema serq kien aggravat bi vjolenza. Huma ġew mixlijin ukoll li rrendew ruħhom reċidivi.

Fabian Sciriha waħdu kien akkużat ukoll li darab lill-anzjana b’mod ħafif u li żammha kontra r-rieda tagħha.

Annise Bejaoui waħdu kien akkużat li saq vettura mingħajr liċenzja tas-sewqan u polza tal-assigurazzjoni, u b’mod perikoluż.

Iż-żewġt irġiel wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjubin fil-konfront tagħhom, bid-Difiża ma tagħmilx talba għal ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke ordnat biex l-irġiel jibqgħu jinżammu taħt arrest.

Share With: