Jispiċċaw il-Qorti wara li qaċċtu ras statwa u żammewha għandhom

Awstraljan u Franċiż tressqu fil-Qorti b’rabta mal-qtugħ ta’ ras l-istatwa ta’ Sant’Antnin li hemm fil-Park tal-Familja ta’ Wied il-Għajn.

Michael Olaf Zandstra huwa student Awstraljan ta’ 18-il sena mentri Hugo Sacha Christian Boutroue huwa ‘software developer’ ta’ 19-il sena bit-tnejn li huma jgħixu fl-istess dar f’Wied il-Għajn.

Huma kienu akkużati li fis-6 ta’ Ottubru 2019 irċevew proprjetà kulturali li kienu jafu li tneħħiet illegalment waqt li Boutroue waħdu kien mixli wkoll li ikkaġuna ħsara.

L-Ispettur Saviour Baldacchino spjega lill-Maġistrat Rachel Montebello kif huma saru jafu bl-att vandalu minn fuq il-mezzi tax-xandir.

Meta bdew jinvestigaw indunaw minn kienu dawk li kissru l-istatwa u waqt li Zandstra kellu għandu r-ras tal-istatwa rriżultalhom li kien Boutroue li għamel il-marki fuq l-istess ras.

Iż-żewġ żgħażagħ wieġbu li ma kienux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom u ngħataw il-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Ġimgħa jiffirmaw l-għassa ta’ Ħaż-Żabbar kif ukoll taħt depożitu ta’ €2,000-il wieħed u garanzija personali ta’ €4,000 kull wieħed ukoll.

F’dan il-każ Zandstra għandu jiddefendih lill-Avukata Fransina Abela waqt li għal Boutroue qed jidhru l-Avukati Kathleen Calleja Grima u Stefano Filletti.

Dwar dan il-każ il-Pulizija għadha qed tinterroga Maltija ta’ 17-il sena li wkoll kienet arrestata maż-żewġ ġuvintur l-oħra.

Share With: